Lokali

Skiet dwar għaliex it-talbiet tal-aħwa Degiorgio għall-Maħfriet Presidenzjali kienu miċħuda

Wara li l-Kabinett ta’ Robert Abela iddeċieda li ma jagħtix Maħfra Presidenzjali lill-aħwa George u Alfred Degiorgio, wara 24 siegħa, għadu mhux magħruf x’wassal għal din id-deċiżjoni.

Dan hekk kif kemm il-Prim Ministru, kif ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija, għażlu li jibqgħu siekta milli jwieġbu fuq liema bażi ġiet miċħuda t-talba tal-aħwa Degiorgio, li qed itennu li għandhom informazzjoni diretta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u każi serji oħrajn li seħħew fil-passat.

Fil-fatt, mistoqsi minn NET News, il-Prim Ministru Robert Abela qal biss li saru ħafna deliberazzjonijiet. Madankollu, il-Prim Ministru naqas milli jgħid kemm il-Kabinett dam jiddelibera.

Dan hekk kif il-laqgħa li saret it-Tnejn f’Kastilja, u li ddiskutiet dawn it-talbiet għal Maħfra Presidenzjali, damet biss ftit anqas minn siegħa u inkludiet preżentazzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija. Tant hu hekk li wara siegha, harget mal-ewwel stqarrija mid-DOI.

Il-Prim Ministru minn naha tieghu lanqas ma wieġeb għaliex il-Ministru Carmelo Abela għażel li jirrekuża ruħu mill-istess laqgħa. Dan hekk kif, s’issa ħadd ma semma’ b’mod ċar isem il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fl-involviment ta’ wieħed mill-każi inkwistjoni.
Iżda ffaċċjat b’din il-mistoqsija, Abela baqa’ dieħel f’Kastilja mingħajr ma kkummenta.

Sadanittant, fl-aħħar sigħat, NET News bagħat għadd ta’ mistoqsijiet anke lill-Kummissarju tal-Pulizija. Staqsejnih jekk personalment iddikjarax ruħu kontra l-għotja tal-Maħfriet Presidenzjali u, jekk iva, fuq liema bażi.

Staqsejnih ukoll jekk iħossux fiduċjuż li se jsolvi l-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-każ tal-attentata serqa u qtil fil-Kwartieri Ġenerali tal-HSBC mingħajr ma tingħata Maħfra lil ħadd mit-tlett irġiel. U anke jekk hux se jkunu qed jitressqu aktar nies b’rabta ma’ dawn il-każi.

Iżda għal dawn il-mistoqsijiet, Kelliema għall-Korp tal-Pulizija wieġbet biss li “kwalunkwe parir mogħti lill-Kabinett hu meqjus bħala informazzjoni privileġġjata” u li l-Korp jibqa’ kommess li jsolvi r-reati, anke dawk li twettqu snin ilu.