L-awditur u partner ewlieni tal-kumpanija Nexia BT ikkonferma fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet pubbliiċi (PAC) li kien hu li introduċa lill-ex Ministru Laburista Konrad Mizzi ma’ Mossack Fonseca iżda evita li jsemmi lil Keith Schembri minħabba l-proċeduri li hemm fil-qorti.
Din kienet it-tieni dabra li Brian Tonna deher quddiem il-kumitat wara li fl-aħħar seduta hu kien irrifjuta li jwieġeb il-mistoqsiiet magħmula lilu mill-Oppożizzjoni. Wara li d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami talab ruling lill-Ispeaker, kien deċiż li Brian Tonna jrid iwieġeb il-mistoqsijiet magħmula lilu iżda għandu dritt jibqa’ sieket bsis għall-mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawh.
Il-kumitat kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u d-deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u Karol Aquilina rrappreżentaw lill-Oppożizzjoni waqt li l-Whip Laburista Glenn Bedingfield, il-Ministru Clayton Bartolo u d-deputati Laburisti Ian Castaldi Paris u Stefan Zrinzo Azzopardi rrappreżentaw lill-Gvern.
Beppe Fenech Adami spjega lix-xhud li wara r-ruling tal-Ispeaker hu ma jistax ma jweġibx għall-mistoqsijiet kollha iżda jista’ ma jweġibx biss dawk il-mistoqsijiet li jinkriminaw lilu. Hu jrid iwieġeb ukoll il-mistoqsijiet li jinkriminaw persuni oħra, fosthom l-ex Ministru Konrad Mizzi u l-ex Prim Ministru Joseph Muscat.

L-Avuka Tonna Lowell qal li jrid jagħmel kawża kostituzzjonali dwar ir-ruling tal-Ispeaker għax jindirizza persuni suspettati. Hu talab li x-xhieda ta’ Brian Tonna tkun sospiża minħabba li kien se jagħmel din il-kawża kostituzzjonali kontra r-ruling tal-Ispeaker.
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-ebda membru tal-kumitat ma talab li jagħmel kawża u għalhekk is-seduta għandha tibda. Il-kumitat qabel li jsiru l-mistoqsijiet.
L-ewwel mistoqsijiet saru mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina u kienu dwar il-professjoni ta’ Brian Tonna li qal li fl-1992 kien beda xogħol ta’ awditjar għal rasu bil-kumpanija Nexia BT. Hu kellu wkoll negozju ta’ propjetà u eżerċita l-professjoni ma’ Manuel Castagna u Karl Cini f’Nexia BT. Brian Tonna xehed li mhux involut fl-Electrogas u kien mgħajjat biss biex ikun wieħed mill-aġġudikanti fil-proċess.
Ix-xhud ma ftakarx kemm kien wara l-elezzjoni tal-2013 u qal li kienu l-Enemalta li sejħulu għalkemm jista’ jkun li kien David Galea li avviċinah flimkien mas-Sur Giordimaina. Hu kien mitlub jieħu sehem bħala r-raba’ element tal-evalwazzjoni finanzjarja tal-power station tal-Electrogas. Minbarra f’dan il-kumitat, hu kien involut ukoll fil-kumitat finanzjarju. F’dan il-kumitat finanzjarju kien hemm Kirsten Miller u Melvin Darmanin, li kienu magħżula minnu.
Għal iktar mistoqsijiet, Brian Tonna wieġeb li dawn il-persuni aċċettaw l-istedina tiegħu iżda ma jiftakarx id-dettalji. Dn il-kumitat kellu jiddeċiedi jekk il-kumpaniji interessati fil-power station kellhomx is-saħħa finanzjarja li jwettqu l-proġett. Brian Tonna qal li l-kumitat kellu mudell ta’ DNV Kema u kull m’għamel kien li mela l-informazzjoni fil-mudell. Hemm xi ħaġa ħażina li qabbdu lili? staqsa u rrimarka Brian Tonna, li qal li ma kellu l-ebda esperjenza fi proġetti kbar bħall-power station.

Dwar il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni, hu qal li ma jiftakarx min kienu l-membri ta’ dan il-kumitat ħlief għal David Galea. Ix-xhud żied li jiftakar li saru diversi laqgħat tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni li evalwaw l-offerti tal-kumpaniji. Ma nżammux minuti ta’ dan il-kumitat finanzjarju għax il-konklużjoni kienet li r-riżultat joħroġ waħdu. Ir-riżultat kien ppreżentat lill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni. Il-proċess kien konkluż ġranet wara li bdiet l-evalwazzjoni, xehed Brian Tonna, li qal li dan il-kumitat kien jiltaqa’ fl-uffiċċju tal-Enemalta f’Delimara għalkemm mhux ċert dwar dan.
Brian Tonna qal li l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni analizza l-ħames offerti u ħareġ prezz biex ingħażel l-irħas offerent. Ma nifhmix teknikament, sostna Brian Tonna, li kompla li Nexia BT ma kellhom l-ebda sehem fid-deċiżjoni. Brian Tonna qal li ma jiftakarx li Karl Cini, li hu partner ta’ Nexia BT, kien ukoll involut fil-ħames stadji.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-fatti huma li Nexia BT kienet involuta fl-aktar stadji kruċjali fosthom fil-kumitat ta’ rekwiżiti addizzjonali; liema settur kien kritikat mill-Awditur Ġenerali. Beppe Fenech Adami qal li l-Enemalta kienet qed tagħlaq għajnejha għall-Electrogas u tiskwalifika lil ħaddieħor li kellu nuqqasijiet inqas. F’dan il-proċess inbidlu wkoll il-parametri tal-proċess; dan seħħ fejn kienet involuta Nexia BT permezz ta’ Anita Alosio, li kienet partner fil-kumpanija Nexia BT. M’għandux x’jaqsam li Anita Alosio kienet taħdem miegħi, irrimarka Brian Tonna, li qal li ma jafx kien kienet appuntata Anita Alosio fil-proċess.
Brain Tonna qal li kien hemm ukoll ħafna konsulenti tal-Enemalta, inġiniera u l-uffiċjali ta’ DNV Kema. Ix-xhud kompla li r-rwol ta’ Nexia BT kien biss li jdaħħlu l-informazzjoni fil-mudell. Naħseb li l-Project Leader David Galea kien jippresiedi dawn il-laqgħat iżda ma niftakarx min kienu l-membri, sostna Brian Tonna.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Awditur Ġenerali kien iddikjara li l-aspett finanzjarju tad-due diligence ma kienx robust u l-verifikazzjonijiet marbuta ma’ korruzzjoni, frodi, serq, riskji, kondotta etika u governanza u ma kienux jifformaw parti mid-due dilegence. Xogħolkom kien li taraw jekk dawn in-nies kienux nies ta’ serjetà, fdati u m’għandhomx bżonn garanzija tal-gvern, sostna Beppe Fenech Adami bi Brian Tonna jiċħad. Hu qal li ma kienx involut fid-due diligence għalkemm kien staqsa dwaru.
X’kien xogħolok int allura?, staqsa Beppe Fenech Adami meta Brian Tonna baqa’ jgħid li ma kien involut.
Għal mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Ryan Callus, Brian Tonna qal li ma jiftakarx jekk sarx brief report. Hu kkonferma li Nexia BT kienu għamlu Cost Benefit Analysis (CBA) fuq ordni tal-Enemalta qabel il-proċess tal-offerti.

Brian Tonna qal li l-elezzjoni tal-2013 ftit li xejn kellu kuntatti mal-PL ħliex għal xi laqgħat “informalissimi” ma’ Joseph Muscat u ma’ Keith Schembri. Darba minnhom qabel l-elezzjoni tal-2013, Joseph Muscat kien mistoqsi dwar iċ-Chairman tal-MFSA, sostna Brian Tonna, li qal li nies fis-settur finanzjarju kienu jistaqsuh dwar xi deċiżjonijiet dwar Joseph Muscat. Beppe Fenech Adami qal li dan juri li qabel le-elezzjoni kien miftiehem ma’ Keith Schembri biex ikun involut f’dan il-proġett.
L-Avukat Tonna Lowell qal li fil-konfront ta’ Keith Shembri, Brian Tonna ma kienx se jwieġeb. Brian Tonna qal li l-passaporti kienet eskluża mill-maġistrat u għalhekk m’għandhomx jissemmew.

Ix-xhud qal li ma tantx kellu kuntatti ma’ nies oħra fil-PL u ma weġibx jekk kienx introdott minn Keith Schembri. Dan kien ftit qabel l-elezzjoni tal-2013 fil-kuntest li hu persuna li jaf ikun kandidat. Hu qal li ġieli mar iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn kien mistoqsi jekk hux interessat li jagħti opinjoni dwar il-fianzi fuq il-ONE TV. Brian Tonna qal li kien ta ideat għall-programm elettorali Laburista dwar is-settur finanzjarju u ma kellux sehem f’laqgħat dwar l-enerġija.
Ix-xhud qal li ma kellux iktar kuntatti mal-PL u sostna li l-indikazzjoni kienet li Konrad Mizzi kien qed imexxi dan il-proġett. Xi sentejn jew tliet snin wara l-elezzjoni tal-2013 Brian Tonna għamel xogħol għal Konrad Mizzi. Beppe Fenech Adami rrifera lix-xhud għall-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi fil-Panama bi Brian Tonna jwieġeb li kien introduċa lil Konrad Mizzi ma’ Mossack Fonseca għax ried li jkollu struttura trust għall-affarijiet finanzjarji tal-familja.
Brian Tonna qal li wara li l-PL tela’ fil-Gvern hu kellu relazzjoni ma’ Konrad Mizzi, li strutturi tiegħu kienu jtuh ix-xogħol. Hu ntalab dokumenti ta’ kemm tħallas minn dawn is-servizzi li ta lill-kumpaniji li jaqgħu taħt Konrad Mizzi.
Ix-xhud qal li Konrad Mizzi kien mar waħdu għandu iżda ma weġibx jekk Keith Schembri marx għandu wkoll. Kien l-ewwel suġġeriment ta’ Brian Tonna lil Konrad Mizzi kien li t-trust isir f’Malta iżda Mossack Fonseca ssuġġerew li t-trust isir New Zealand. Il-kumpanija marbuta ma’ din trust saret il-Panama. F’dan il-proċess kien involut ukoll Karl Cini.
Ix-xhud qal li fid-dokumenti ma jissemmewx kumpaniji oħra minn fejn ġejjin il-flus u sostna li kien infetaħ kont bankarja. Mossak Fonseca introċewna ma’ diversi banek li talba informazzjoni differenti sakemm bank minnhom staqsa biex il-klijent jagħti kumpaniji li se jaħdem magħhom. Brian Tonna qal li Konrad Mizzi qatt ma tah ismijiet ta’ kumpaniji iżda ma weġibx dwar min kein tah l-ismijiet tal-kumpaniji.

Ingħatajt l-ismijiet tal-kumpaniji 17 Black u Macbridge iżda mhux se nwieġeb min tani dawn l-ismijiet. Iltqajt ma’ Chen Chen li kien ġie darbtejn l-uffiċċju li ried jiftaħ kumpanija. Kont ftaħtlu l-kumpanija Thornebridge; ma kontx involut fil-bejgħ tal-power station liċ-Ċiniżi. Nimmaġina li xi ħadd bagħat lil Chen Chen għandi; naħseb ġie qabel Konrad Mizzi, sostna Brian Tonna, li qal ukoll li fl-2017 kien għamel l-awditjar tal-kumpanija New Energy u ftit xogħol fuq kumpaniji oħra ta’ Yorgen Fenech. Il-kumpanija Gem Holding Ltd, li għandha ishma fl-Electrogas u hi ta’ Yorgen Fenech, saret klijent ma’ Nexia BT wara li saret l-aġġudikazzjoni tal-power station.
Brian Tonna kompla li Nexia BT kienet appuntata awditur ta’ Gem Holdings Ltd f’Marzu 2014 mill-Enemalta li ma kellhomx persuna biex tgħinhom mill-aspett finanzjarju.
Il-kumitat kien aġġornat għal nhar l-Erbgħa li ġej fis-2 pm.