Lokali Parlament

Brian Tonna llum jixhed dwar l-Electrogas

Wara deċiżjoni tal-Ispeaker, l-awditur u partner ewlieni tal-kumpanija Nexia BT Brian Tonna llum wara nofsinhar se jerġa’ jissejjaħħ quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubblici (PAC) biex jixhed dwar il-power station tal-Electrogas.

Dan se jsir wara li fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat, Brian Tonna irrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet tad-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Ryan Callus dwar diversi aspetti tal-kuntratt tal-Gvern Laburista mal-Electrogas. Brian Tonna qal li hu kien ma riedx iwieġeb biex ma jinkriminax lilu nnifsu.

Id-deputati Nazzjonalisti sostnew li Brian Tonna mhux akkużat dwar l-Electrogas fil-qrati iżda hu akkużat dwar każi oħra, fosthom il-bejgħ tal-passaporti. Għalhekk Brian Tonna kien obbligat li jwieġeb skont ir-regoli tal-Kumitat Parlamentari. Minkejja din il-pożizzjoni, Brian Tonna baqa’ jirrifjuta li jwieġeb anki mistoqsijiet li m’għandhomx konnessjoni dwar l-Electrogas fosthom dwar il-konnessjonijiet tiegħu mal-ex Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, dwar il-laqgħat li kien ikollu f’Kastilja u fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, dwar l-involviment tiegħu fil-proġett tal-power station station u dwar interessi li hu seta’ kellu fil-proġett.

Fil-PAC, id-deputati tal-Gvern sostnew li kull xhud għandu dritt ma jweġibx u nsistew li la x-xhud ma jridx iwieġeb allura ma kellhomx isiru l-mistoqsijiet. Din il-pożizzjoni sabet l-oġġezzjoni tad-deputati Nazzjonalisti u nsistew li l-mistoqsijiet iridu jsiru irrispettivament jekk ix-xhud iweġibx. Fil-fatt il-mistoqsijiet saru iżda x-xhud ma weġibx.

Quddiem din is-sitwazzjoni d-deputat Nazzjonalista u President tal-PAC Beppe Fenech Adami talab ruling lill-Ispeaker Anġlu Farrugia li fih insista li xhud ma jistax jirrifjuta milli jwieġeb il-mistoqsijiet quddiem il-PAC.

Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugai qal li filwaqt li kull xhud għandu dritt li ma jweġibx mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawh, ix-xhud irid iwieġeb il-mistoqsijiet l-oħra li ma jinkriminawhx.

Dan ir-ruling galhekk wassal biex fis-seduta tal-lum wara nofsinhar tal-PAC, li tibda fis-2 pm, Brian Tonna se jkollu jwieġeb il-mistoqsijiet li ma jinkriminawhx dwar il-proġett tal-power station tal-Electrogas. Is-seduta tixxandar live fuq l-istazzjon tal-parlament.