Lokali Sport

Ian Borg jattakka lil dawk li qed jitolbu għal aktar ‘outdoor gyms’

“Jekk trid tmur il-gym, ħallas il-membership”. Kienet din l-istqarrija li għamel il-Ministru tal-Infrastruttura Ian Borg għall-kampanja li qed iqajjmu grupp ta’ żagħżagħ dwar l-outdoor gyms hekk kif dawn tħallew fi stat diżastruż mingħajr manutenzzjoni għall-aħħar tmien snin.

Fl-aħħar jiem grupp ta’ żagħżagħ minn ‘Bulletproof Culture’, bdew iżuru għadd ta’ outdoor gyms li jinsabu f’pajjiżna, fejn ħafna minnhom tħallew jiġu fi stat diżastruż u lanqas għadhom jistgħu jintużaw mill-pubbliku. Dawn il-gyms li jinsabu mxerrdin f’għadd ta’ lokalitajiet kienu nbnew taħt amministrazzjoni Nazzjonalista hekk kif kienet inbdiet kampanja favur l-isport u kontra l-obeżità, liema strateġija kienet għal kollox injorata mill-Gvern Laburista.

Dan l-atteġjament tal-Ministru Ian Borg ikompli jikkonferma l-istrateġija tal-Gvern – fejn l-isport mhuwiex meqjus bħala prijorità, iżda sempliċiment ‘hobby’.

Ftit tal-jiem il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien intervistat fuq programm ta’ diskussjoni fuq ix-xandir nazzjonali, rrefera għall-isport bħala “passatemp”. Dan il-kumment qajjem rabja fost bosta atleti hekk kif il-Gvern Laburista m’huwiex jagħmel distinzzjoni bejn sport prattikat b’mod professjonali u sport prattikat għall-gost.

Il-Partit Nazzjonalista minn naħa l-oħra fl-aħħar jiem semma għadd ta’ proposti dwar kif l-isport jerġa jingħata l-importanza li jixraqlu la darba l-poplu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss jagħti l-fiduċja tiegħu lill-Partit Nazzjonalista. Fost l-oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wiegħed li Gvern Nazzjonalista ġdid jeleva l-isport f’livell ta’ Ministeru filwaqt li jkompli jsaħħaħ l-iskola nazzjonali tal-isport.