Futbol Sport

Il-European Super League sospiż wara li s-sitt klabbs Ingliżi ddeċidew li jirtiraw

Matul il-lejl li għadda kien deċiż li l-European Super League jkun sospiż fejn fi stqarrija uffiċjali ntqal li dan il-proġett iridu ikun iffurmat mill-ġdid bl-għan li jagħti l-aqwa esperjezna lill-partitarji filwaqt li jara li jkun hemm s-solidarejtà finanzjarja bejn il-komunità kollha tal-futbol.

Kollox beda qabel il-partita mill-Premier League bejn Chelsea u Brighton, hekk kif għadd ta’ partitarji ta’ Chelsea ħarġu jipprotestaw kontra dan il-kampjonat li f’perjodu ta’ 48 siegħa qajjem kontroversja sħiħa fost partitarji, players, coaches, ġurnalisti u politiċi, bil-problema priċnipali tkun li dan il-kampjonat li kien se jkun wieħed magħluq kien se jeqred l-valuri tal-logħba tal-futbol.

B’reazzjoni għal protesti, Chelsea qalu li se jkunu qed iħallu dan il-proġett, b’konsegwenza li xprunaw lill-ħames timijiet oħra Ingliżi li flimkien ma’ Chelsea u sitt timijiet oħra mill-Italja u l-Ingilterra kienu l-fundaturi ta’ dan il-proġett. Il-klabbs ta’ Arsenal, Liverpool, Man Utd, Man City u Tottenham kollha ħarġu stqarrija fejn qalu li kienu ser ikunu qed jiritiraw mill-European Super League hekk kif fehmu r-reazzjoni tal-partitarji u ta’ dawk kollha nvoluti fil-logħba tal-futbol.

Aktar tard matul il-jum it-timijiet ta’ Milan, Inter u Milan ukoll ħabbru u ħarġu l-istqarrijiet tagħhom dwar dan fejn ħabbru li se jkunu qed jirtiraw mill-European Super League. Huwa mifhum li Juventus ukoll ħabbru li ħarġu mill-European Super League hekk kif il-President tal-klabb Andrea Agnelli qal li dan il-proġett ma jistax isir minħabba li hemm għadd ta’ timijiet li bdew il-proċess biex joħorġu minn dan il-kampjonat. Agnelli rrimarka wkoll kif it-timijiet Ingliżi għażlu li joħorġu mis-Super League minħabba li kieku baqgħu fih l-azzjoni tagħhom kienet tkun interpretata bħala attakk fuq il-politika tal-Gvern Ingliż b’rabta ma’ BREXIT.

Kawża ta’ dan, il-Viċi- Chairman Eżekuttiv ta’ Manchester United Ed Woodward ħabbar li kien se jkun qed jirriżenja mill-pożizzjoni tiegħu fil-klabb, b’konsegwenza li l-partitarji tal-klabbs kollha li kienu l-fundaturi tal-European Super League isejjħu għar-riżenja tas-sidien tal-klabbs rispettivi. Minkejja li xi rapporti ndikaw li anke l-President ta’ Juventus Andrea Agnelli kien se jirriżenja hu ċaħad dan bl-aktar mod kategoriku.

X’seħħ minn nhar il-Ħadd sal-lum?

Nhar il-Ħadd filgħaxija, tnax-il klabb minn madwar l-Ewropa, Man City, Liverpool, Man Utd, Chelsea, Tottenham, Arsenal, Milan Inter, Juventus, Barcelona, Real Madrid u Atletico Madrid waqqfu l-European Super League, li kien se jkun imexxi mill-President ta’ Real Madrid Florentino Perez u kien se jkun assistit miċ-Chairman ta’ Man Utd Ed Woodward u l-President ta’ Juventus Andrea Agnelli.

B’reazzjoni għal dan, il-UEFA ħabbret li se tkun qed tieħu azzjonijiet drastiċi fejn flimkien mal-assoċjazzjonijiet rispettivi se jkunu qed jagħmlu dak kollu li hu possibli biex iwaqqfu dan il-kampjonat milli jseħħ. Il-FIFA kif ukoll il-UEFA qalu li l-klabbs kollha li se jieħdu sehem fil-European Super League mhux se jitħallew jikkompetu f’kompetizzjonijiet Ewropej kif ukoll se jitwaqqfu milli jieħdu sehem fil-kampjonati domestiċi, bil-players tal-klabbs rispettivi mhux se jitħallew jikkompetu fuq livell internazzjonali.

Il-format tal-European Super League qajjem ukoll kontroversja minn bosta involuti fil-logħba tal-futbol fosthom players, coaches, partitarji u anke politiċi hekk kif il-format tal-kampjonat kien se jmur kontra l-prinċipji tal-futbol, dak tal-mertu sportivi u s-solidarjetà b’konsegwenza li fi żmien 48 siegħa dan il-proġett kellu jiġi sospiż.

Għall-aktar informazzjoni u aġġornamenti kontinwi tista’ ssegwi fuq blog speċjali mtella’ minn Net News li qed ikun aġġornat minuta b’minuta dwar kif tkun qed tiżviluppa s-sitwazzjoni.