Lokali Parlament

Il-gvern kabbar il-problema fid-djar għax ma beniex post wieħed fi tmien snin

David Thake, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Thake qal li l-gvern kabbar il-problema fid-djar għax ma beniex post wieħed fi tmien snin.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibattitu dar ir-riforma tal-kirjiet kontrollati, David Thake qal li din il-liġi se toħloq problemi propju għall-persuni li jkunu qed jersqu lejn l-irtirar tgħhom. Il-gvern għandu tort għal din il-problema għaliex ma sar xejn fl-aħħar tmien snin. Il-PL ilu żmien twil jitkellem fuq din il-problema u issa l-gvern qed ikollu jaġixxi fuq riżultat ta’ kawżi. Il-gvern qed jitfa’ l-problemi taħt it-tapit iżda s-soluzzjonijiet m’humiex dawk li qed joffri l-gvern Laburista.

Hu kkritika lill-gvern għan-nuqqas ta’ miżuri fl-akkomodazzjoni soċjali. Issa l-gvern qed jgħid li hawn 10,000 każ u li fl-ewwel sena se jalloka €1 miljun għaż-żidiet fil-kirjiet li jfisser li kull propjetà tiswa €50,000. Dan mhux reali, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li dawn iċ-ċifri huma ħżiena.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li fir-realtà l-gvern mhu se jsolvi xejn u spjega li, skont iċ-ċifri tal-gvern stess, l-ammont ta’ €1 miljun fuq 10,000 familja jfisser €100 kull familja. David Thake qal li dan jelimina kull tama li xi ħadd se jsolvi l-problemi u sostna li r-reviżjoni ta’ kull sentejn mhux reali għaliex iċ-ċirkostanzi tal-familji anzjani mhux se jinbidlu. 40% tal-familji li jgħixu f’dawn il-kirjiet huma nies li qed jgħixu fil-faqar, sostna David Thake, li qal li l-ministru qed jippretendi li f’sentejn is-sitwazzjoni ta’ dawn in-nies tinbidel meta l-gvern m’għamel xejn u ma bena l-ebda dar. Dan hu eżerċizzju biex jinsterqu l-voti, sostna David Thake, li staqsa kif il-Bord tal-Kera se jlaħħaq ma’ dawn il-każi ta’ 10,000 familja li issa se jkollhom il-problema.

Id-deputat Nazzjonalista kkritika l-fatt li l-gvern qed jibgħat lin-nies il-qorti biex ikun jista’ jgħinhom u staqsa x’soluzzjonijiet għandu l-gvern għall-każi li jdumu quddiem il-Bord tal-Kera. Hu staqsa kif jistgħu jsiru l-appelli u x’se jiġri jekk ma jkunx hemm qbil fuq il-valur tal-propjetà.

David Thake kompla li s-sidien tal-propjetà m’humiex kollha sinjuri u appella biex il-gvern ma jiddiskriminax fl-għajnuna legali bejn is-sidien u l-kerrejja. Fl-1995 il-PN fil-gvern kien waqqaf din il-liġi inġusta u għadda emendi fl-2009 iżda dan ma kienx biżżejjed.

Hu qal li l-gvern għandu flus għal tal-klikka iżda mhux għall-fqar li għandhom bżonn l-għajnuna. Il-gvern mhux se jagħti kumpens lil min se jagħmel l-ispejjeż, sostna David Thake, li kompla li dan hu pass tajjeb li tingħata xi forma ta’ għajnuna iżda din hi ftit u tard wisq.