Lokali Parlament

Il-Kummissarju Hyzler jiċħad l-allegazzjonijiet ta’ Glenn Bedingfield

Il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler wieġeb u ċaħad l-allegazzjonijiet tad-deputat Laburista Glenn Bedingfield dwar l-operat tiegħu ħala Kummisarju u dwar l-Uffiċju tiegħu.

F’ittra lill-Ispeaker, il-Kummissarju Hyzler irrifera għall-aġġornament tad-19 ta’ April 2021 fejn Glenn Bedingfield għamel allegazzjonijiet dwar l-uffiċċju tiegħu u dwaru u spjega li kull xufier f’segretarjat ta’ ministru jew segretarju parlamentari jitħallas €24,650, li tiġi ekwivalenti għall-iskala ta’ salarju 9.

Il-paga tax-xufier tiegħu, li kienet inkluża fl-ewwel pjan finanzjarju għall-uffiċċju tiegħu li ġie approvat mill-Parlament, din is-sena tammonta għal €23,623. Hu għandux xufier wieħed u mhux tnejn kif għandu kull ministru u segretarju parlamentari. Ix-xufier tiegħu jaħdem kuljum u jagħmel xogħol ieħor fl-uffiċċju, minbarra li jibqa’ on call anki wara l-ħin tax-xogħol. Dan filwaqt li xufier f’segretarjat jaħdem ġurnata iva u ġurnata le.

Il-Kummissarju qal li mhux minnu li hu qed jirrifjuta li jwieġeb domandi parlamentari dwar l-uffiċċju tiegħu u diġà ta risposti għal żewġ domandi parlamentari ta’ Glen Bedingfield għalkemm hemm żewġ domandi oħra pendenti.

Hu sostna li Glenn Bedingfield qed jikkontradixxi lilu nnifsu meta qed jikkwota minn waħda minn dawn ir-risposti dwar is-salarji tax-xufier tiegħu fl-istess waqt li qed jakkużah li qed jirrifjuta li jipprovdi informazzjoni simili.

It-tliet konsulenti li hu qabbad, bejniethom it-tlieta jitħallsu €54,000 fis-sena mill-uffiċċju tiegħu, minkejja li huma persuni bi kwalifiki u ta’ esperjenza konsiderevoli fil-qasam tagħhom. Hekk kif inħtart kelli ninġaġġa impjegati b’urġenza biex inkun nista’ jibda niffunzjona, għax la kelli impjegati u lanqas uffiċċju minn fejn naħdem. Madankollu mhux minnu li impjegajt ħamsa mis-sitt impjegati tal-uffiċċju tiegħi bħala persuni ta’ fiduċja.

Tnejn minn dawn is-sitta diġà kienu impjegati tal-gvern u ġew assenjati fl-uffiċċju tiegħi fuq talba tiegħi u bl-approvazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Oħra ġiet impjegata wara sejħa pubblika.

Kull ministru u segretarju parlamentari għandu jkollu l-fakultà li jagħżel nies li jafda bħala parti mis-segretarjat tiegħu. Li qed ngħid hu li l-ingaġġ ta’ dawn il-persuni, li hija prattika li tmur lura snin twal, għandu jkun regolat mill-Kostituzzjoni u għandu jkun hemm salvagwardji biex din il-fakultà ma tiġix abbużata.

Mhux minnu wkoll li xi membru tal-istaff tiegħi huwa taħt xi dell ta’ korruzzjoni jew imġieba korrotta. Jirriżulta li li din l-allegazzjoni, li ma ġiet sostanzjata bl-ebda mod min-naħa ta’ Glenn Bedingfield, hija totalment infondata, sostna l-Kummissarju Hyzler, li kompla li, jekk jidhirlu li għandu xi provi ta’ dak li qiegħed jgħid, nistiednu jgħaddihomli privatament.

Hu kompla li Glenn Bedingfield huwa fattwalment skorrett meta qed jgħid li hu kkritika l-infieq fuq riklami. “Jien ikkritikajt l-infieq ta’ fondi pubbliċi għal skopijiet politiċi, personali jew partiġġjani. Fl-istess waqt Glenn Bedingfield qed jikkritikani talli rriklamajt kariga vakanti f’gazzetta waħda u sit wieħed biss. Jiena kont prudenti fl-infieq tiegħi u għażilt dawn iż-żewġ mezzi għax kienu biżżejjed biex jilħqu udjenza nazzjonali. Assolutament mhux minnu li xi dokumenti qatt inħarġu b’mod klandestin mill-uffiċċju tiegħi. Din l-akkuża wkoll ta’ Glenn Bedingfield hija totalment infondata. Kull min jaħdem fl-uffiċċju tiegħi jieħu ġurament ta’ kunfidenzjalità. Barra minn dan, jekk ġie żvelat xi rapport dwar investigazzjoni li saret minni, dan sar wara li r-rapport in kwistjoni tqassam mill-President tal-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika lid-deputati taż-żewġ naħat talKamra li huma membri tal-Kumitat”, sostna l-Kummissarju Hyzler.