Lokali Parlament

Il-liġi dwar il-kirjiet mhix kompatibbli mal-qrati ta’ Stasburgu; se toħloq problemi kbar

Joe Ellis, PN

Id-deputat Nazzjonalista Joe Ellis qal li s-soluzzjoni li qed iġib il-gvern diġà kienet dikjarata bħala mhix aċċettabbli mill-qrati ta’ Strasburgu u għalhekk se ddaħħal lin-nies f’ħafna komplikazzjonijiet

Fid-dibattitu parlamentari dwar ir-Riforma tal-Kirjiet Kontrollati Joe Ellis qal li l-problema tad-djar ma nħolqitx fl-2009 kif qed jipprova jagħti l-impressjoni l-PL għaliex din bdiet ħafna qabel. Din bdiet fl-1929 meta l-PL daħal fil-koalizzjoni tal-compact bħala kundizzjoni biex jidħol mal-Partit ta’ Strickland ried idaħħal liġi biex il-liġi ikunu capped kif kienu sa f’Awissu 1914, meta bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija. L-intenzjoni kienet li din il-liġi tkun soluzzjoni temporanja li iżda saret permanenti; din il-liġi skoraġġiet lin-nies milli jinvesti fil-propjetà.

Fl-1959 għaddew l-Ordinanza tad-Dekontroll biex min jibni ġdid mhux iktar taħt l-effetti tal-liġijiet speċjali tal-kera. Fl-1979, taħt gvern Laburista, biddel dak kollu li kien sar u reġa’ daħħal li fejn l-inkwilin ikun Malti allura ma jkollux dritt li jitkeċċa mis-sid anki meta jiskadi kuntratt ta’ ċens.

Kien biss fl-1995 gvern Nazzjonalista ddeċieda li l-krijiet il-ġdoda ma jibqgħux protetti u kien liberalizzat is-suq tal-kirjiet kollha li saru wara l-1995. Fl-2009 sar l-ewwel attentat biex tkun trattta l-problema tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 biex l-effetti tal-liġi tal-1929 bdew ikunu trattati.

Dak iż-żmien il-kirja kienet tintiret għand il-familja tas-sid iżda d-deċiżjoni kienet li li min kien qed jikri propjetà għandu dritt ikompli jgawdi l-propjetà u ma jistax ikun hemm nies oħra li jgawdu minn dan id-dritt straordinarju li l-kirja ma tistax tiżdied mingħajr il-permess tal-Bord tal-Kera u li l-kirja ma tistax tkun għola minn 40% ta’ dak li kienet fl-1914.

Joe Ellis qal li tul iż-żmien il-qrati bidlu l-pożizzjoni tagħhom biex dak li kien aċċettabbli fl-2009 ma baqax iktar aċċettabbli. Il-qrati Maltin kellhom bilfors jaddottaw it-tagħlim tal-Qorti ta’ Stasgurgu u kellhom jimxi skont dak li bdew jiddeċiedi l-Qorti ta’ Strasburgu. Għalhekk bdew jinstabu każi ta’ ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-inkwilini spiċċaw bla protezzjoni.

Il-gvern irreaġixxa billi biddel il-Kapitlu 158 l-Ordinanza tad-Dekontroll biex dawk il-propjetajiet li kienu ċens trasformati f’kirja u l-inkwilin spiċċa bla dritt li jibqa’ fil-propjetà, ingħata d-dritt li jmur quddiem il-Bord tal-Kera u jagħmel rikors biex il-kirja tiżdied ta’ 2% tal-valur lokatizju fejn issir stima tal-post minn perit. Minkejja dan, l-ammont ta’ 2% mhux adegwat għas-sid. Jekk l-inkwilin ma jgħaddix mit-test tal-mezzi u m’għandux id-dritt tal-protezzjoni tal-liġi, hu intitolat li jibqa’ fil-propjetà għal ħames snin oħra b’kirja ddoppju.

Id-deputat Nazzjonalista qal li issa l-gvern qed juża l-Liġi 158 u qed japplika għal każijiet ta’ qabel l-1995 u staqsa jekk din il-liġi hux se tgħaddi mit-test kostituzzjonali u jekk din hux se tkun aċċettabbli għall-Qorti ta’ Strasburgu. Diġà kien stabbilit li dan ir-rimedju ta’ 2% mhux adewgat.

Il-Bord tal-Kera jista’ li, meta jsir rikors dwar il-kirja ġusta ta’ 2%, jaqbad u jżid il-kera. Sakemm isiru l-proċeduri dwar il-valur lokatizju, il-Bord jista’ jiddeċiedi l-ammont ta’ kirja. Il-Prim Ministru qal li hawn 10,000 każ iżda l-fatti huma li kieku ma kienx hemm il-liġi tal-1995, il-każi kienu jammontaw għal 20,000. Mhux ġust li kollox jitpoġġa quddiem il-Bord tal-Kera għaliex se jinħolqu ammont kbir ta’ kawżi b’dewmien minħabba dan jista’ jkun proċess amministrattiv. Il-gvern qed joħroġ ħafna flus għal dawn il-kirjiet iżda l-gvern xorta se jibqa’ jkollu jħallas id-danni għal dawn il-kirjiet.

Joe Ellis qal li s-soluzzjoni li qed iġib il-gvern diġà kienet dikjarata bħala mhix aċċettabbli mill-qrati ta’ Strasburgu u għalhekk se ddaħħal lin-nies f’ħafna komplikazzjonijiet anki għall-fatt li l-għajnuna legali se tingħata biss lill-inkwilini mhux lis-sidien. Din hi inġustizzja oħra, sostna Joe Ellis.