Lokali

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni jkompli jinjora r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman – MUT

Matul dawn l-aħħar xhur, l-MUT kienet qed issegwi numru ta’ każijiet ta’ membri tagħha fejn l-uffiċċju tal-Ombudsman kien qed jagħti rakkomandazzjonijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar każijiet li jitressqu għandu. Fi stqarrijja, l-MUT saħqet li f’uħud mill-każijiet kien l-istess Ministeru li ta parir lill-impjegat/impjegati sabiex iressqu l-każ għand l-Ombudsman bil-premessa li l-Ministeru kien ser ikun qed jimxi mar-rakkomandazzjoni tal-istess ufficcju tal-Ombudsman.

Madanakollu, dan mhux iseħħ u xiehda ta’ dan huma numru ta’ każijiet li jinvolvu individwi jew gruppi li għalkemm hemm rakkomandazzjoni ċara, il-Ministeru qed ikompli jinjora dawn ir-rakkomandazzjonijiet. L-MUT għamlet, u l-istess uffiċċju tal-Ombudsman għamlu, diversi rappreżentazzjonijiet mal-Ministeru dwar dan f’isem dawn il-membri. Ta’ min jgħid li dan jikkontrasta ferm mal-istatistika maħruġa mill-uffiċċju tas-Segretarju Prinċipali Permanenti Ewlieni li turi li persentaġġ għoli ħafna tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman qed jintlaqgħu mill-Gvern.

L-MUT kitbet lill-uffiċċju tas-Segretarju Prinċipali Permanenti Ewlieni, lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u lill-Uffiċċju tal-Ombudsman sabiex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata.