Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista huwa l-uniku alternattiva għall-Gvern preżenti” – Times of Malta

Il-ħimda tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qed issarraf f’żieda fl-appoġġ li qed igawdi fost il-poplu Malti, filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela qed inaqqas, l-iktar meta jkun ikkumparat mal-predeċessur tiegħu. Għalhekk Bernard Grech għandu jieħu din l-okkażjoni u jaġixxi minnufih ħalli jġib ir-riġenerazzjoni fi ħdan il-Partit filwaqt li joħloq l-inizjattivi u l-proposti li pajjiżna tant għandu bżonn.

Dan huwa l-ħsieb tal-editorjal tat-Times of Malta hekk kif iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed nersqu viċin elezzjoni ġenerali. Ix-xhur li Joseph Muscat serva bħala Prim Ministru ta’ pajjiżna kienu kkaratterizzati minn xibka ta’ korruzzjoni u mid-dell ikrah li tefa’ fuq pajjiżna l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-editorjal ikompli jgħid li din il-ġurnalista tant bdiet tikxef skandli b’konnessjoni mal-Gvern Laburista li dawk involuti ma kellhomx triq oħra ħlief li jeħilsu minnha. Il-qtil tagħha kien ġie pospost għal wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017, fejn fl-istess sena hija nqatlet permezz ta’ karozza bomba ftit metri biss ‘il bogħod mid-dar tagħha… delitt li biddel nazzjon sħiħ. U għalhekk huwa f’dan il-kuntest li għandha titpoġġa l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

L-editur tat-Times of Malta jsaqsi jekk fid-dawl ta’ dak kollu li seħħ u l-istejjer li għadhom qed jiġu żvelati, il-Partit Laburista huwiex partit li tista’ tafdah biex ikompli jmexxi lil pajjiżna. Min-naħa l-oħra, ħafna jistaqsu jekk il-Partit Nazzjonalista huwiex lesti li jiggverna. Votant li jaħseb b’moħħu jargumenta li hemm wisq stejjer li qed joħorġu dwar esponenti tal-Gvern. Dan kollu wassal għal klima fejn ħakmet il-korruzzjoni li waslet għal qtil ta’ ġurnalista. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista huwa l-uniku alternattiva għall-Gvern preżenti.

L-editorjal ikompli jgħid li t-tliet fatturi li se jiddeterminaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss huma l-korruzzjoni, l-ekonomija u l-pandemija. Iżda minbarra dawn it-tliet fatturi, hemm ukoll l-istat diżastruż li fih jinsab l-ambjent u kif Malta qed tinbigħ lill-barranin…. bl-editorjali jsaqsi jekk l-istitutuzzjonijiet ta’ pajjiżna humiex vera qed jaħdmu.

Il-mod ta’ kif Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi lil dawk li għamlu ħażin, juri biċ-ċar li mhux kapaċi jnaddaf isem pajjiżna. B’Abela jibqa’ jirrifjuta li jagħmel apoloġija u ma jiħux l-azzjonijiet tant meħtieġa biex inaddaf lill-Partit tiegħu. Għalhekk l-elezzjoni ġenerali li jmiss ma tistax titqies bħala ‘business as usual’.