Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Gżira Jeremy Cardona, Shaun Farrugia, Jessica Borg u Hugh Caruana jilqgħu b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data li ddikjara li s-Sindku tal-Gżira Conrad Bord Manche kiser il-liġi tal-Protezzjoni tad-Data fil-konfront tal-Minority Leader Jeremy Cardona fejn permezz ta’ kitba fuq Facebook li tella’ fl-10 u l-11 ta Marzu li għadda żvela informazzjoni personali dwar is-saħħa tal-Kunsillier Jeremy Cardona.
Fi stqarrija ntqal li din id-dikjarazzjoni kompli tikkonferma min qed jikser il-liġi u minkejja l-attakki persistenti tas-Sindku fil-konfront tal-Kunsillieri Nazzjonalisti sabiex jiġbed is-simpatija tal-pubbliku, il-verita’ hija xort’oħra.
Fid-dikjarazzjoni tiegħu, l-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data ddikjara li dak li żvela s-Sindku tal-Gżira Borg Manche kienet informazzjoni li għandha protezzjoni speċjali peress li tirrigwardja s-saħħa personali tal-persuna. Is-Sindku Borg Manche ġie ordnat ukoll li jneħħi din il-kitba mid-dominju pubbliku kif fil-fatt kien diġa’ għamel.
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti tal-Gżira jiddikjaraw għal darb’ohra, li l-attakki sistematici min-naħa tas-Sindku qed jisfumaw fix-xejn għaliex fl-aħħar mill-aħħar, il-verita’ dejjem titla f’wiċċ l-ilma u s-sewwa jirbaħ żgur.
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti jappellaw lis-Sindku Conrad Borg Manche sabiex jieqaf minn dawn l-attakki, ħafna drabi personali, kemm fil-konfront tagħhom kif ukoll f’ċertu okkażjonijiet fil-konfront ta sħabu stess, il-Kunsillieri Laburisti u jara li l-Kunsill ikun magħqud sabiex ilkoll jaħdmu fl-aqwa interess tal-Gżira. Il-Kunsillieri Cardona, Farrugia, Borg u Caruana sostnew li jekk is-Sindku Borg Manche irid juża dawn l-attakki sabiex jieħu rikba irħisa għall-elezzjoni ġenerali, m’għandux jagħmel dan bi skapitu tal-ħidma tal-Kunsill Lokali.
Il-Kunsillieri Nazzjonalista tal-Gżira kkonkludew billi għal darb’oħra reġgħu ddikjaraw li huma se jkomplu jaħdmu b’saħħithom kollha fl-aqwa interess tal-Gżirjani kollha u mhu se jħallu lil ħadd inkluż lis-Sindku jintimidhom fil-ħidma tagħhom.
//= $special ?>