Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) jinsab inkwetat biż-żieda fid-differenza bejn il-pagi tal-Maltin u dawk tal-Għawdxin. Din hija ta` interess kbir għall-ħaddiema li huma impjegati Għawdex għax hija forma oħra ta` diskriminazzjoni. Skont il-Labour Force Survey, fis-sena 2019 bħala medja, l-paga annwali ta’ ħaddiem impjegat f’Malta kienet ta` iktar €2,000 għola minn dik ta` ħaddiem impjegat f’Għawdex filwaqt li jaghmlu l-istess tip ta’ xoghol. Din id-differenza fil-paga hija evidenti fuq livelli differenti ta` impjiegi għaliex din taffettwa kemm dawk l-individwi li għandhom karriera stabbilita u kemm dawk iż-żgħażagħ li għadhom fil-bidu tal-karriera.
Il-Gvern ftit għamel sabiex jindirizza d-differenza fil-paga bejn l-impjiegi Maltin u dawk Għawdxin. Huwa evidenti li l-wegħda tal-Gvern t`iktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin ma kinitx miżmuma. Minflok, qed naraw żieda konsiderevoli ta` xogħol prekarju mall-kuntratturi b’kundizzjonijiet inferjuri. Ħafna residenti Għawdxin qed ikollhom jaħdmu Malta u jsibu ruħhom fi żvantaġġ mal-Maltin, għal fatt li jkollhom jivvjaġġaw medja ta` tliet sigħat u nofs kuljum sabiex imorru għax-xogħol. Dawn iċ-ċirkustanzi jwasslu biex il-popolazzjoni medja ta` Għawdex qed issir iktar anzjana għax ħafna żgħażagħ Għawdxin qed imorru jgħixu Malta b’mod permanenti, kif ukoll nuqqas ta` parteċipazzjoni fil-komunita’ minn dawk l-Għawdxin li jmorru jaħdmu Malta kuljum.
Dawn il-kundizzjonijiet huma iktar inkwetanti meta wieħed jikkunsidra ż-żieda fil-kera jew fil-prezz tal-propjeta’, li qed ikollhom impatt fuq id-dħul tal-ħaddiema Għawdxin. L-FPPN jistenna ħafna iktar minn gvern, li skont kliemu, huwa l-partit tal-ħaddiema. L-FPPN jemmen fl-inizjattivi li qiegħed jaħdem fuqhom il-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jkompli jiġġieled kontra l-inġustizzji u jiżgura li l-ħaddiema Għawdxin ikunu stmati bid-dinjita` u r-rispett li jixirqilhom.
//= $special ?>