Lokali Qorti

Mhux ħati li seraq prodotti tal-ikel li jlaħħqu s-€7,000


George Lanzon ta’ 57 sena mill-Mosta inħeles minn kull akkuża miġjuba kontrih u ma nstabx ħati mill-Maġistrat Nadine Lia li bejn Frar u Mejju tal-2015 kien involut f’serq ta’ diversi prodotti tal-ikel, liema prodotti jammontaw għal madwar €7,000 kif ukoll li kellu fil-pussess tiegħu diversi prodotti tal-ikel misruqa.

Huwa lanqas ma nstab ħati li laqa’ għandu oġġetti meta kien jaf lim kienu misruqa. Kien sar rapport lill-pulizija mill-kumpanija Valhmor Borg Import Export Limited li kellhom suspett li hemm xi impjegat u klijenti li kienu qegħdin jisirqu mill-kumpless tal-kumpanija.

Dan wara li ġew innutati xi diskrepanzi fl-stock tal-kumpanija u meta gew eżaminati l-filmati mis-CCTV’s tal-kumpanija ġie osservat l-imputat bħala wieħed mill-persuni involuti f’dan is-serq. Il-ħanut koncernat kien Miracle Foods.
Is-suspett qam wara li filmati CCTV kien jidher li dawn il-klijenti jieħdu ammonti konsiderevoli ta’ prodotti, imma imbaghad skont iz-“Z Readings” jidhru ammonti ferm iżgħar.

Fi kliem ieħor, ikunu ttieħdu aktar prodotti milli jidhru fl-irċevuti. Il-lista provduta kienet turi li l-imputat George Lanzon kien mar tmien darbiet, ħa diversi prodotti tal-ikel u dan ma kienx ħallas għalihom. Huwa kien jingħata l-prodott minn impjegat

L-impjegat ammetta mal-Pulizija li lil George Lanzon kien jafu minn qabel u kien sar ftehim bejniethom fejn il-prezz tal-prodotti maħruġa minn taht jinqasam bejniethom, jiġifieri George Lanzon iħallsu nofs il-valur tagħhom u n-nofs l-ieħor jiffrankahom.

Fl-ahhar tax-xahar, il-ħaddiem kien imur jiġbor il-flus mill-ħanut ta’ George Lanzon, li minn naħa tiegħu dejjem innega li kellu ftehim mal-impjegat u qal li meta huwa kien imur jixtri l-prodotti għall-ħanut tiegħu, kien imur l-impjegat fuqu u jġiblu trolley mgħobbi affarijiet u jgħidlu “dawn tużahom għal li jista’ jkun?”.

L-imputat kien jgħidlu iva imma li dak il-hin “m’ghandix flus fuqi” u allura l-impjegat kien imur jiġbor il-flus wara mill-ħanut ta’ Lanzon. L-impjegat spjega kif huwa kien staqsa lill-Lanzon ghall-irċevuti ta’ dawn il-ħlasijiet imma Lanzon wieġeb li kellu ħafna rċevuti differenti iżda ta’ dawk il-ġranet fejn inxtaw dawk il-prodotti rċevuta ma kienx hemm. Huwa wkoll ma kienx jagħti każ għalihom sakemm li l-prezz jaqbel.

Lanqas ma kien jiċċekkja d-deskrizzjoni tal-prodotti. Skont l-impjegat, il-valur tal-prodotti involuti jlaħħaq qrib is-€7,000. Il-Qorti qalet li mill-provi miġbura, il-prosekuzzjoni tistrieħ l-iktar fuq dak li qal l-impjegat, li minn dak li qal dan ma joffrix komfort dwar x’ftehim kien hemm, jew seta kien hemm bejnu u l-imputat sabiex jghaddilu l-prodotti misruqa.

L-impjeagt stqarr li l-klijenti in kwistjoni, inkluċ l-imputat, x’aktarx kienu jafu u meta kien pressat għal tweġiba ċara jgħid li l-imputat kien jaf minħabba l-fatt li l-prezzijiet kienu tant orħos. Madankollu, minn dak li jgħid l-impjegat, l-iskont kien ta’ madwar 20 fil-mija. Dan ir-raħunamanet ma jagħtix komfort lill-Qorti li kien hemm ftehim ċar u intenzjonat bejn l-impjegat u l-imputat li kien ser jgħaddilu prodotti misruqa għall-benefiċċju tiegħu.

Fil-fehema tal-Qorti, il-prosekuzzjoni ma wrietx b’mod ċar li Abela kien għamilha ċara u wera b’mod car lill-imputat li dawn il-prodotti kienu misruqa u li dik kienet ir-raġuni għalfejn kien qed jgħaddilhomlu b’dak il-mod. Iktar minn hekk il-prosekuzzjoni ma ppruvatx kif l-imputat kien qed jisraq lil Valhmor Borg.

Irriżulta mill-provi li l-imputat kien qiegħed iħallas ghal dawn il-prodotti u li minkejja li l-prezz kien iktar baxx, ma tressqux provi ta’ kif is-serq kien qed isir ghad-dannu ta’ Valhmor Borg. Bhal donnu l-unika ‘prova’, jekk wieħed jista’ jsejħilha hekk, li kien hemm xi serq, kien il-fatt li l-imputat kien qed jiehu l-prodotti mingħand l-impjegat, u li dan assuma li l-imputat kien jaf x’qed jiġri minħabba l-prezzijiet aktar baxxi li bihom kien ibiegħlu xxoghol.

Id-difiza ta’ l-imputat qalet li x-xhieda tal-impjegat magħduda ma dan kollu ma tistax tiġi qatt ikkunsidrata bħala waħda sigura u sodisfaċenti in vista tal-mod vag u l-assunzjonijiet li jagħmel.
Aktar minn hekk, il-prosekuzzjoni ma ressqitx ix-xhieda ta’ persuna oħra mportanti fil-każ li setgħet tikkorrobora x-xhieda tal-impjegat u b’hekk jiġi provdut aktar kjarifika dwar dak li qal.

Mill-provi prodotti l-Qorti qalet li tqis li meta tagħrbel u tagħti piz il-provi kollha li gew imressqa jibqgħu ċertu dubji u nuqqasijiet li ma jagħtuiex il-konvinċiment meħtieg li l-grad tal-prova f’dawn il-proċeduri ġie soddisfatt. Dan jista’ jingħad aktar u aktar fir-rigward tal-element formali tar-reati li bihom gie mixli l-imputat.

L-assunzjoni u x-“x’aktarx” li jsemmi x-xhud impjegat ċertament li mhumiex biżżejjed sabiex il-Qorti ssib ħtija. Sabiex jintlaħaq il-grad rikjest, il-Qorti tħoss li kellu ikun hemm aktar provi ċari u diretti, u jekk xejn, kwalunkwe provi indizjarji iridu xorta waħda jipprovdu ċertu serħan u inekwivokabilita’ sabiex il-Qorti tkun tista’ tistrieħ fuqhom.

Fir-rigward tar-reat li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa, anke f’dan ir-rigward il-Prosekuzzjoni ma ġabitx dik il-prova meħtiega lil hinn minn kull dubbju dettat mir-raħuni, li l-imputat kien xjentement qed jilqa’ għandu ħwejjeġ misruqa.
Ghaldaqstant Lanzon ġie lliberat minn kull akkuża. Għalih dehru l-Avukati Dean Hili u Veronique Dalli.