L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) qed tappella lill-Gvern biex jerġa’ jiftaħ ir-ristoranti inkluż dawk fil-lukandi. Dan meta mit-Tnejn li ġej se jiftħu ħwienet mhux essenzjali filwaqt li ristoranti fil-lukandi lanqas ma jistgħu jservu l-kolazzjon.
Fi stqarrija iebsa l-MHRA fakkret li r-ristoranti kienu fost l-agħar vittmi tal-pandemija tal-COVID-19 u wara sena iebsa, issa qed iħarsu ‘l quddiem biex jerġgħu jiftħu fis-26 ta’ April għas-suq lokali u fl-1 ta’ Ġunju 2021 għas-suq tat-turiżmu.
L-MHRA tirrikonoxxi li l-immaniġġjar tal-ftuħ mill-ġdid tar-ristoranti huwa kritiku biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm spikes ta’ infezzjonijiet relatati mal-COVID-19. Madankollu, l-MHRA tafferma li s-sidien tar-ristoranti laħqu punt fejn ma jistgħux jistennew aktar minħabba li s-sitwazzjoni tagħhom saret waħda gravi.
Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li, “It-tħaddim ta’ restorant jinvolvi ħafna spejjeż u dawn mhumiex biss pagi tal-impjegati. Ħafna sidien ta’ ristoranti qed jilħqu punt fejn ma jafux x’se jiġri bl-għixien tagħhom u tal-impjegati tagħhom. Issa għandna bżonn pjan ċar sabiex inkunu nafu lkoll fejn ninsabu u għalhekk inkunu nistgħu nippreparaw l-operazzjonijiet tagħna għal dik li hija sitwazzjoni diġà diffiċli ħafna.”
L-MHRA qed tappella lill-Awtoritajiet tas-Saħħa sabiex l-impjegati li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu, jiġu mlaqqma qabel il-ftuħ mill-ġdid tas-suq tat-turiżmu fl-1 ta ’Ġunju 2021.
//= $special ?>