Internazzjonali

Renju Unit: Ir-Reġina Eliżabetta tagħlaq 95 sena

Ir-Reġina Eliżabetta għalqet 95 sena u ddeċidiet li żżomm profil baxx ħafna, erbat ijiem biss wara l-funeral ta’ żewġha Philip, id-Duka ta’ Edinburgh.

Ma kien hemm l-ebda ċelebrazzjonijiet pubbliċi, meta r-Reġina qed tkompli tosserva ġimgħatejn luttu għal żewġha li jikkonkludu nhar il-Ġimgħa.

Fl-istess ħin, l-okkażjoni ta’ għeluq snin ir-Reġina għall-ewwel darba ma kenitx tinvolvi t-teħid ta’ ritratt ta’ Eliżabetta, bħal fis-snin preċedenti.

Intant, l-indikazzjonijiet kienu li r-Reġina se tqatta’ il-ġurnata fil-kumpanija tal-qraba fil-Kastell ta’ Windsor — u fil-preżenza ta’ xi membri tal-istaff tagħha.

Dan waqt li l-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, bagħat it-tislijiet u l-isbaħ xewqat  lir-Reġina għal din l-okkażjoni.

Ir-Reġina Eliżabetta, fl-2015, saret l-aktar Kap ta’ monarkija li ilha fil-kariga minn fost l-irjali kollha tad-dinja.

Il-jum uffiċjali ta’ għeluq sninha jaqa’ f’Ġunju u li fis-snin ta’ qabel kien jinvolvi l-parata famuża magħrufa bħala Trooping the Colour.

Madankollu, din il-parata mhix se ssir għat-tieni sena konsekuttiva minħabba l-pandemija tal-coronavirus – bl-uffiċjali mal-Familja Rjali issa qed jikkunsidraw li, minflok, issir parata (dakinar) fil-quadrangle tal-Kastell ta’ Windsor.