Internazzjonali

Russja: Twissija biex il-Punent ‘ma jaqbiżx il-linja l-ħamra’

Il-President Russu Vladimir Putin wissa lill-Punent biex ma jaqbiżx il-‘linja ħamra’ simbolika, fi żmien ta’ tensjoni partikulari. Il-Mexxej Russu anki kkundanna azzjoni li hu qed jinterpreta bħala kolp ta’ stat kontra l-Belarus.

Putin kien qed jitkellem waqt id-diskors annwali li jiddettalja s-sitwazzjoni tar-Russja u fost l-inkwiet dwar il-kriżi tal-Ukrajna u l-kundizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russu, Alexi Navalny, li qed jinżamm il-ħabs ( fir-Russja).

‘L-użu tas-sanzjonijiet inġusti (mill-Punent) qed jiżviluppa f’xi ħaġa aktar perikoluża – f’dan il-każ attentat ta’ kolp ta’ stat fil-Belarus’, tenna Putin, li hu alleat kbir tal-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko.

Aktar kmieni fix-xahar, l-awtoritajiet fil-Belarus qalu li s-servizzi tas-sigurtà FSB tar-Russja għenuhom jevitaw ‘kumplott kontra l-ħajja’ ta’ Lukashenko. Iżda l-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Belarus, Svetlana Tikhanovskaya, li qed tgħix f’eżilju, ċaħdet għal dan bħala ‘teorija mhix kredibbli’ Lukashenko, is-sena l-oħra, kien rebaħ mill-ġdid l-elezzjoni fil-Belarus fost akkużi li hu approfitta minn proċess imbagħbas.

Sadanittant, il-President Putin, waqt id-diskors, qal li r-Russja tixtieq li jkollha relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi kollha iżda ‘ma setax jagħlaq għajnejh għall-fatt li l-potenzi tal-Punent qed jipprovokaw lil pajjiżu’. Putin wissa li f’każ li xi pajjiż jinterpreta ħażin l-intenzjonijiet tar-Russja bħala dgħjufija, ‘ir-reazzjoni ta’ Moska għandha tkun rapida u ħarxa’.

Il-President Putin saħaq li ‘ir-Russja għandha tiddeċiedi għaliha nnfisha s-sitwazzjonijiet fejn tista’ tinqabeż il-linja l-ħamra’ – b’dan il-kumment qed iħasseb sew lill-osservaturi. Dan f’sitwazzjoni fejn qed tikber it-tensjoni mal-fruntiera tar-Russja mal-Ukrajna, wara li Moska trasferit ‘il fuq minn 100,000 suldat lejn dik iz-zona.