Internazzjonali

Stati Uniti: Tfajla sewda maqtula mill-pulizija f’Ohio

Uffiċjal tal-pulizija fl-Istat ta’ Ohio spiċċa joqtol tfajla sewda ta’ sittax-il sena wara li fetaħ in-nar għal fuqha. L-inċident f’Colombus ( il-kapitali ta’ Ohio) seħħ wara li l-pulizija intervjena f’sitwazzjoni ta’ emerġenza fejn it-tfajla  – li kienet armata b’sikkina – ippruvat tħebb għan-nies ta’ quddiema.

It-tfajla kienet identifikata bħala Ma’Khia Bryant, bil-pulizija jipproduċu filmati meħudin minn bodycam li juru lit-tfajla qed tattakka lil xi ħadd bis-sikkina qabel qalgħet it-tiri fatali.

Il-filmati tal-bodycam urew anki ġlieda bejn grupp ta’ individwi quddiem residenza qabel persuna minnhom – li jingħad li kienet Ma’Khia Bryant – dehret b’sikkina f’idejha waqt li kienet qed tagħti s-salt lejn persuna oħra.

Kien dak il-ħin li l-uffiċjal tal-pulizija inkwistjoni avviċina lill-grupp u qalilhom biex ‘ibaxxu’ – u fejn hu, sekondi wara, jispiċċa jispara diversi tiri fid-direzzjoni tat-tifla.

Il-każ qed ikun investigat bir-reqqa, bl-awtoritajiet f’Colombus iħeġġu lir-residenti biex iżommu l-kalma.

L-uffiċjal tal-pulizija li ‘kien kostrett li jispara fuq it-tifla’ għalissa tneħħa mis-servizz u jinsab fuq leave bi ħlas – wara li ddeċidew hekk is-superjuri tiegħu. L-identità ta’ dan l-uffiċjal għadu ma ġiex żvelat.