Coronavirus Lokali

33 każ ġdid u 36 ifiqu mill-Coronavirus

Fl-aħħar 24 siegħa instabu 33 każ ġdid ta’ Coronavirus. Għal jum ieħor, fortunatament ma kienx hemm vittmi biex għaldaqstant in-numru ta’ vittmi f’pajjiżna baqa’ stabbli għal 411.

Fl-istess żmien 36 persuna kienu dikjarati mfejqa mill-virus. Il-każi attivi issa huma 519.

Sadanittant kompla t-tilqim u sal-bieraħ 295,587 persuna ingħataw it-tilqima b’93,727 ikunu mlaqqma bit-tieni doża.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Ministeru tas-Saħħa qed jinvestiga każ ta’ trombożi li jista’ jkun marbut ma’ vaċċin. Dwar il-varjanti, il-Ministru tas-Saħħa qal li bħalissa hawn tliet każi tal-varjant Brażiljan.

Tħabbar ukoll li min għada, persuni ta’ 40 sena u iktar jistgħu japplikaw sabiex jingħataw il-vaċċin.