L-istejjer ppubblikati fil-media llum, kemm lokali u kif ukoll internazzjonali, sforz investigazzjoni ġurnalistika kkordinata mill-fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, għal darb’ohra jikkonfermaw kif ghall-Robert Abela kollox xejn m’hu xejn, u mal-ħażin qed jeħel it-tajjeb.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi strqarrija ffirmata mill-Kelliem tiegħu dwar iċ-ċittadinanza Beppe Fenech Adami fejn qal li l-Gvern ta’ Robert Abekla ħoloq skema ta’ bejgħ tal-passport Malti li permezz tiegħu numru kbir ta persuni, li ma kienux jikkwalifikaw għal ċittadinanza Maltija, spiċċaw biex illum huma Maltin mingħajr ma għandhom l-ebda konnessjoni ma’ pajjiżna. Dan jikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, illi f’din l-iskema, l-kundizzjonijiet bażiċi li timponi il-liġi stess, fosthom dik ta’ residenza u preżenza fil-pajjiż ma kienux qed jiġu osservati.
Dan bil-konsegwenza illi numru ta’ barranin li qattgħu litteralment ftit sigħat ġewwa l-pajjiż spiċċaw ingħataw iċ-ċittadinanza Maltija. Iktar min hekk illum jirriżulta illi Joseph Muscat intervjena personalment sabiex jibqgħu mistura ismijiet ta’ persuni meta dawn suppost kellhom jiġu ppublikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern.
Il-konsegwenza ta’ dan kollu hu li llum r-reputazzjoni ta’ pajjiżna tħammġet u m’aħniex aktar meqjusa bħala pajjiż serju li jista jħaddem skemi ta’ ċittadinanza u residenza. Iktar minn hekk illum pajjiżna għandu proċeduri kontrih mill-Unjoni Ewropeja li jista’ jkollu aktar effetti negattivi fuq ir-reputazzjoni tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-istejjer ta’ llum jikkonfermaw illi f’dan l-abbużi hemm involuti nies qrib il-gvern, politiċi u saħansitra l-istess eks Prim Ministru Laburista Joseph Muscat. Robert Abela ma jistax jaħrab minn din ir-responsabbilita’ għaliex dan kollu seħħ taħt għajnejh meta kien konsulent f’Kastilja u quddiem dan kollu l-istess Robert Abela għalaq għajnejh. Robert Abela huwa biss kontinwità li tgħatti l-abbużi li saru b’mod sistematiku, organizzat u mgħejjun mill-aġenziji stess li suppost kienu hemm biex jaraw li dan ma jseħħx. Dan l-abbuż seħħ bi ksur tal-liġi, minn wara dahar il-poplu u min wara dahar l-Unjoni Ewropea.
Jidher ċar għalhekk li s-surplus li tant ftaħar bih il-Gvern Laburista sar biss, bis-saħħa ta’ sistema korrotta u li permezz tagħha akkwista €700 miljun, li spiċċaw fix-xejn minħabba fl-infieq bla rażan, fosthom kuntratti għall-ħbieb tal-qalba u sħabhom, li jaqbeż bis-sew in-nefqa marbuta mal-miżuri tal-Covid-19 u li l-Prim Ministru jipprova juża bhala skuża.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li dan hu ta’ detriment ukoll għall-operaturi f’dan il qasam li mxew kif suppost u skond il-liġi u issa xogħolhom hu mhedded minħabba li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna għadha taħt theddida. Dan is-settur hu wieħed li jekk imħaddem tajjeb u bil-għaqal jista’ jħalli benefiċċji għall-pajjiż iżda bħal f’diversi oqsma oħra, mal-ħażin qed jeħel it-tajjeb. Għalhekk ninsistu li Robert Abela għandu b’mod immedjat jara illi jittieħdu l-passi kollha kontra min b’mod sfaċċat inganna fl-implimentazzjoni ta din l-iskema u għal darb’oħra tappan isem pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li qed jibqa’ kommess illi jirrestawra isem pajjżna anke f’dan il-qasam. Anki hawn pajjiżna għandu bżonn jibda Paġna Ġdida.
//= $special ?>