Internazzjonali

Covid-19: L-Indja tirrapporta ċifri rekord ta’ infezzjonijiet u mwiet għal jum wieħed….L-Awstraljani jilmentaw dwar dawmien fil-programmi tat-tilqim

It-tieni mewġa tal-coronavirus li għaddejja bħalissa mir-reġjuni tal-Indja ħalliet impatt mill-aktar devastanti li qed jissarraf f’telf ta’ ħajja kontinwa – u bil-każi konfermati tal-infezzjonijiet fil-pajjiż issa jqarrbu s-16-il miljun. Dan ifisser ukoll li l-Indja saret  it-tieni l-aktar pajjiż li qed iġarrab l-effett qalil tal-Covid-19 u l-varjanti tiegħu wara l-Istati Uniti.

Intant, l-Indja kkonfermat 314,835 każ ġdid tal-coronavirus fi spazju ta’ 24 siegħa. Din hi l-ogħla ċifra ta’ infezzjonijiet għal ġurnata waħda li qatt kienet irreġistrata madwar id-dinja kemm ilha għaddejja l-pandemija. Fl-istess perjodu, fl-Indja, mietu 2,104 persuna bil-Covid li hu l-akbar numru ta’ vittmi għal jum wieħed fil-pajjiż.

Il-kriżi fl-Indja qed issir aktar akuta minħabba nuqqas  ta’ provvisti tal-ossiġinu – bis-sitwazzjoni qed thedded li tkisser lis-sistema tas-saħħa nazzjonali li diġà tinsab taħt pressjoni kbira.

Fil-fatt, il-qorti ewlenija ta’ Delhi kritikat pubblikament lill-Gvern ċentraligħal kif tratta l-kriżi tal-ossiġinu f’din il-belt. Il-kundanna kienet espressa f’verdett dwar petizzjoni li kien ressaq is-sid ta’ sitt sptarijiet privati. Il-qorti, fl-istess ħin, ordnat biex il-Gvern tal-Indja jaċċerta t-trasport u d-distribuzzjoni ‘sikura’ tal-provvisti tal-ossiġinu mill-fabbriki lejn l-isptarijiet madwar il-pajjiż.

Hu minnu li numru ta’ nies madwar l-Indja mietu huma u jistennew l-ossiġinu, bil-mezzi tal-media soċjali fil-pajjiż qed jappellaw ‘għall-ossiġinu liċ-ċittadin. Dan meta l-folol qed jinġabru barra l-isptarijiet fl-ibliet il-kbar tal-Indja li huma mimlijin bil-pazjenti – u bil-piż ikompli jikber fuq is-servizzi tas-saħħa lokali.

Sadanittant, fl-Awstralja, aktar nies qed jilmentaw dwar id-dawmien fil-programmi tat-tilqim – bir-rollout lokali qed jaqa’ lura minkejja li l-pajjiż, kollox ma’ kollox, kiseb suċċess bil-kampanji għall-kontroll tal-Covid-19.

L-Awstralja miexja aktar bil-mod minn pajjiżi oħra f’dak li jirrigwarda t-tilqim tal-poplu u meta l-kategoriji ta’ ċittadini ‘high risk’ qed jappellaw għal protezzjoni xierqa.

Il-programmi tat-tilqim fl-Awstralja, ix-xahar li għadda, fallew sew mit-tragwardi stabbiliti u n-nies qed jikkritikaw ‘in-nuqqas ta’ kjarezza tal-proċess’.

Issemmew ukoll il-problemi għall-provvisti u t-trasport tal-vaċċini u għalkemm ittieħdu l-passi biex il-programmi tat-tilqim jirrankaw, il-Gvern Awstraljan, qed jiffaċċja sitwazzjoni fejn is-suċċessi tal-aħħar xhur kontra l-Covid qed jispiċċaw imtappna mill-impenji attwali biex jitlaqqmu kemm jistgħu Awstraljani.

Fl-istess ħin, il-Gvern Awstraljan waqqaf  numru ta’ hubs għat-tilqim tal-massa filwaqt li investa fi produzzjoni lokali tal-vaċċini kontra l-coronavirus.