Lokali

Il-Kunsill tal-Ewropa mitlub jinvestiga lil Rosianne Cutajar

Il-Kumitat dwar il-Proċeduri u l-Affarijiet Istituzzjonali fil-Kunsill tal-Ewropa intalab jinvestiga l-kunflitt ta’ interess li seta’ kellha jew li għad għandha, l-eks Segretarju Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar.

Rosianne Cutajar hi waħda mir-rappreżentanti ta’ Malta fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

It-talba għall-investigazzjoni saret mid-Deputat Olandiż Pieter Omtzigt li kien ħejja r-rapport dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u s-Saltna tad-Dritt f’Malta.

Fl-ittra tiegħu, Omtzigt fakkar li f’Ġunju tal-2019, fl-Assemblea Parlamentari, Rosianne Cutajar ħaditha qatta’ bla ħabel kontra r-rapport tiegħu li kien jimplika r-rwol importanti tal-kumpanija sigrieta 17 Black f’diversi proġetti ewlenin, li dwarhom kienet qed tinvestiga Daphne Caruana Galizia.

Eventwalment sar magħruf li Yorgen Fenech, li jinsab arrestat biex jiffaċċja akkużi dwar il-qtil tal-ġurnalista, kien is-sid ta’ 17 Black.

Omtzigt irrefera wkoll kif lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet kienu żvelati r-rabtiet mill-qrib ta’ Rosianne Cutajar ma’ Yorgen Fenech, inkluż l-eluf ta’ ewro li ħadet f’senserija għal bejgħ ta’ propjertà.

Fl-ittra tiegħu, Omtzigt qal li Rosianne Cutajar qatt ma ssottomettiet dikjarazzjoni dwar kunflitt ta’ interess li seta’ kellha fil-ħidma tagħha bħala rappreżentant fil-Kunsill tal-Ewropa.

Għaldaqstant Pieter Omtzigt talab lill-Kumitat sabiex, fid-dawl ta’ dak li kien żvelat fl-aħħar xhur, jinvestiga jekk kienx hemm kunflitt ta’ interess minn Rosianne Cutajar fl-interventi kontra r-rapport dwar is-Saltna tad-Dritt f’Malta u l-emendi li kienet ressqet biex tbiddel in-natura tiegħu.