Coronavirus Lokali

Il-Ministru tal-Anzjani ma jafx kemm hemm anzjani li għadhom ma ngħatawx it-tilqima

Minkejja li hu responsabbli mill-Kura tal-Anzjani, il-Ministru Michael Farrugia wera li m’għandux idea ta’ x’qed jiġri fost dawn il-persuni vulnerabbli.

Hu kkonferma dan meta mistoqsi minn NET News dwar kemm hemm anzjani li għal xi raġuni għadhom ma tlaqqmux kontra l-Covid-19. Fil-fatt, meta mistoqsi biex jaghtina ċifra, il-Ministru Farrugia qal biss li din l-istatistika tinżamm mill-Ministeru tas-Saħħa.

Fl-istess waqt, il-Ministru tal-Anzjani ftaħar kemm kien hemm persuni li rċievew it-tilqima f’darhom għax għal xi raġuni ma setgħux joħorġu.

Madankollu, hu baqa’ ma qalx kemm – wara tliet xhur – għad hemm anzjani li ma rċievewx it-tilqima. U dan meta, madwar id-dinja kollha, ingħatat prijorità assoluta lill-anzjani, bħala fost l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà.