Barraxx ta’ kummenti lill-Ministru Aaron Farrugia wara li skuża ruħu talli rreaġixxa b’mod xejn moderat għal artiklu fuq sit satiriku onlajn.
Is-sit Bis-Serjeta.com li hu magħruf għall battuti li jgħaddi fil-konfront tal-politiċi ta’ pajjiżna tella’ post fejn jidher il-Ministru Farrugia bilqegħda quddiem laptop daqsli kieku qed jistaqsi kif ineħħi l-kummenti ta’ ommu.

Jidher li l-Ministru rreaġixxa għal dan il-post fis-saħna tal-mument u attakka lis-sit u saħansitra semma’ direttament lil min hu wara s-sit fejn sejjaħlu b’ismu u qallu biex isib xogħol ta’ vera – “a proper job”.

Il-kittieb wara dan is-sit wieġeb lil Aaron Farrugia fejn qallu li f’10 snin li kien ilu jikteb fuq diversi personalitajiet, inkluż politiċi miż-żewġ partiti l-kbar, “ħadd qatt ma ħass li kellu jsemmih b’ismu. Forsi għax jifilħu ghall-kritika aktar minnek”, qallu l-kittieb.

Fl-istorja daħal ukoll ic-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, li hu wkoll eks delegat tal-Partit Laburista li ddefenda lill-kittieb ta’ Bis-Serjetà meta qal lill-Ministru li dan jikteb ħafna affarijiet… u dejjem aħjar milli jippoża għar-ritratti.

Intant wara numru kbir ta’ battibekki, il-Ħamis filgħodu l-Ministru għamel apoloġija. Apoloġija li ma niżlitx tajjeb ma’ ħafna, b’numru ta’ kummenti jikkritikaw il-mod pwerili li rreaġixxa bih il-Ministru.

F’kumment partikolari xi ħadd qal li li kieku kien impjegat ma’ kumpanija serja, il-Ministru kien jispiċċa mkeċċi, mhux biss għal-lingwaġġ xejn xieraq li uża, iżda għax kixef l-identità tal-persuna wara s-sit satiriku – xi ħaġa li titqies bħala attakk mill-Gvern fuq il-media ħielsa, temm jgħid dan il-kumment.
