Lokali

Imniedi l-Volontarjat Action Group

Kien imniedi l-Volontarjat Action Group, bl-għan li jitwassal messaġġ ċar kontra l-leġislazzjoni dwar il-ġbir ta’ fondi minn għaqdiet volontarji, li qed titqies minn ħafna bħala mhux aċċettabbli.

L-Action Group hu magħmul minn Stephania Dimech Sant mir-Richmond Foundation, Robert Aquilina mill-għaqda Repubblika, Alex Torpiano minn Din l-Art Ħelwa, Kevin Bonello mis-Soċjetà Mużikali San Ġużepp u Mark Thorogood mill-SPCA Gozo.

Fl-introduzzjoni tagħha, Stephania Dimech Sant qalet li l-volontarjat hu kruċjali fis-soċjetà tagħna għax hu wieħed mill-pilastri li jiffomaw is-soċjetà. Hi spjegat ukoll li l-Action Group iħoss li din il-leġislazzjoni, li ddaħħlet mingħajr konsultazzjoni, ixxekkel lill-għaqdiet u għalhekk mhix aċċettabbli.

Għaldaqstant, se jkunu qed jintalbu laqgħat mal-awtoritajiet kompetenti – fosthom il-Kunsill tal-Volontarjat – biex dawn ir-regoli jkunu rtirati u tibda konsultazzjoni wiesgħa.

Min-naħa tiegħu, Alex Torpiano staqsa għaliex il-Gvern għażel li joħloqilhom dan ix-xkiel, partikolarment li l-ġbir irid ikun approvat mill-Kummissarju għall-Volontarjat.

Fid-dawl tal-fatt li hemm għaqdiet volontarji li ilhom snin jibbażaw il-ħidma tagħhom fuq il-ġbir ta’ fondi, staqsa wkoll jekk dawn hux se jirnexxielhom ikampaw, anke meta – skont din il-Liġi l-ġdida – se jintalbu jippreżentaw Kondotta tal-Pulizija ta’ min jiġbor, bil-possibbiltà li dawn jaqtgħu qalbhom u ma jgħinux aktar.

U Robert Aquilina qal li l-Gvern għażel li joħloq ostakli ġodda minkejja li jaf l-importanza tal-għaqdiet volontarji u min jipparteċipa f’ħidmiethom. Hu għalhekk li l-Action Group qed jappella lill-Gvern biex jinduna bl-iżball li jrid jagħmel u jirtira żewġ passi biex issir bidla ċara fid-direzzjoni.

L-Action Group se jkun qed jara li dawn il-punti kontroversjali jkunu rtirati għalkollox u mhux sempliċiment sospiżi. Min-naħa l-oħra, inħarġet direttiva biex l-għaqdiet tal-volontarjat ma jobdux ir-restrizzjonijiet li qed jitlobhom jagħmlu l-Gvern. U jekk il-Gvern ikompli jwebbes rasu, din il-kwistjoni se tkun qed tittella’ sal-livell tal-Kunsill tal-Ewropa.

Ikkummenta