Lokali

“Irrid li nħabbtu fuq kull bieb għaliex hekk biss nistgħu inwasslu l-politika tagħna ‘l quddiem” – Bernard Grech

Il-Kap tal-PN Bernard Grech waqt sessjoni ta’ Facebook Live fejn wieġeb għal mistoqsijiet ta’ numru ta’ persuni li bgħatu l-mistoqsijiet tagħhom spjega li l-Partit Nazzjonalista m’għandux il-fondi pubbliċi biex iwassal il-messaġġ tiegħu imma għandu lill-persuni. Persuni li jistgħu iwasslu l-messaġġ ta’ fejda tal-Partit Nazzjonalista b’konvinzjoni.

Bernard Grech tkellem dwar bidla ta’ atitudni fil-politika biex l-ewwel prioritajiet ikunu l-ġid tal-pajjiż u dik tal-individwu.

Għal mistoqsija dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw artisti varji, Bernard Grech saħaq li fil-kurrikulu Nazzjonali trid tidħol aktar l-arti u li tissaħħaħ ukoll l-iskola tal-arti. Hu qal li jekk verament nemmnu li l-arti hija importanti, irridu ninvestu fiha bis-serjeta.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-qasam tal-blockchain, fejn qal li anke hawn irrealizzajna li bejn il-kliem u l-fatti hem baħar jikkumbatti. Hu qal li sfortunatament din l-opportunità sfaxxat fix-xejn minkejja l-ħafna pompa li kien hemm snin ilu meta ġiet imħabbra. Iżda minkejja dan hu qal li mhuwiex tard wisq biex dan il-qasam jerġa jitpoġġa fuq quddiem fl-agenda tal-pajjiż.

Bernard Grech wieġeb ukoll dwar sistemi ġodda ta’ ħolqien ta’ enerġija fejn qal li rridu nħarsu lejn forom ġodda ta’ enerġija, bħal ma qed tagħmel il-kumplament tad-dinja. Hu qal li l-PN qed iħares mhux biss lejn l-idroġenu u t-turbini tar-riħ, imma jrid ukoll ikompli jinvesti fil-pannelli tax-xemx.

Għal mistoqsija dwar riġenerazzjoni ta’ żoni differenti f’pajjiżna, il-Kap tal-PN qal li hu qed jippjana riġenerazzjoni amibizzjuża tad-diversi żoni ta’ pajjiżna. Bernard Grech qal li r-riġenerazzjoni trid issir bi pjan u titlaq l-ewwel mill-kwalità tal-arja, bi trasport alternattiv, u b’ħafna modi oħra iżda mhux b’inqas billi jissebbħu d-diversi żoni.

Il-Kap tal-PN kien mistoqsi wkoll dwar il-viżjoni tiegħu għall-kommunità LGBTIQ fejn qal li lill-persuni f’dawn il-komunitajiet irid mhux biss ikollhom aktar drittijet imma anke li tonqos id-diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom mhux biss soċjalment imma anke fuq il-postijiet tax-xogħol u aktar, u spjega li l_artit Nazzjonalista qed jaħdemukoll fuq pjan Nazzjonali għal ħajja sesswali aħjar.

Fil-pjan għal Għawdex Bernard Grech qal li l-PN jemmen verament li Għawdex għandu ħafna x’joffri… fosthom tipi ta’ turiżmu ġodda, u semma t-turiżmu tal-avventura.

Dwar it-turizmu in ġenerali, Bernard Grech qal li anke hawn hemm bżonn titjib u tkellem dwar ir-reazzjoni pożittivi li kien hemm għall-proposti tal-PN f’dan il-qasam li jħares għall-għaxar snin li ġejjin.