Lokali Sport

Issir il-presentazzjoni ta’ €2,000 miġbura f’Replay, b’risq iċ-ċkejken Luca Maia

Illum il-Ħamis, saret il-presentzzjoni uffiċjali tad-donazzjoni ta’ €2,000 mill-kumpanija Greentube Malta lill-familja taċ-ċkejken Luca Maia, it-tifel li sfortunatament qed jiġġieled il-marda tal-kanċer. Dan l-ammont inġabar grazzi għall-pjattaforma li ta l-programm sportiv ta’ Net Television, Replay nhar il-Ħadd li għadda meta fuq inizjattiva li kellha l-oriġni tagħha minn wieħed mit-telespettaturi ta’ dan il-programm, Adrian Tanti, kien irkantat flokk iffirmat ta’ Haley Bugeja ta’ Sassuolo.

Luca Maia, iċ-ċkejken li qed jiġġieled il-kanċer, flimkien ma’ missieru, il-plejer tal-futbol f’Malta, Patrick Maia

Il-kumpanija internazzjonali tal-gaming, b’uffiċċju f’Malta, Greentube tefgħet l-għola offerta għal dan il-flokk, bl-għan aħħari jkun li bħal m’għamlu ħafna oħrajn f’dawn l-aħħar jiem, tingħata għajnuna ta’ solidarjetá ma’ iben l-attakkant Brażiljan, Patrick Maia li dan l-istaġun kien qed jilgħab mal-leaders tal-National Challenge League, Marsa. Missier it-tifel, li għandu 32 sena, ilu jilgħab il-futbol f’Malta minn Lulju tal-2016, fejn saħansitra lagħab fil-Kampjonat Premier ma’ Ħamrun Spartans u Santa Lucia rispettivament, apparti Marsa.

Il-presentazzjoni tad-donazzjoni ta’ €2,000 minn Greentube lil Patrick Maia, saret mid-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija, Dr Trevor Degiorgio u l-Brand Manager, Adam Warren. Greentube hi waħda mill-kumpaniji ewlenin fid-dinja tal-gaming, li tipprovdi servizz sħiħ fis-settur tal-logħob permezz tal-onlajn u l-mobile.

Il-presentazzjoni saret fl-uffiċċini ta’ Greentube fl-Iklin. Il-producer eżekuttiv tal-programmi Replay, Christian Micallef irringrazzja lil din il-kumpanija tal-gaming f’Malta għall-ġenerożita tagħha, kif ukoll reġa’ appella lil dawk kollha involuti fil-futbol Malti u telespettaturi ta’ Replay, biex fejn jistgħu, nagħtu l-għajnuna tagħna għal din il-kawża ġusta.