Futbol Sport

“Kien messaġġ ħażin illi wera li t-timijiet involuti jridu dħul finanzjarju akbar” – l-MEP Marc Tarabella

Waqt intervista ma’ NetNews, b’reazzjoni għall-aħħar żviluppi rigward il-European Super League, l-MEP Marc Tarabella, li huwa wieħed Ko-ordinatur fil-Intergroup Sportiv fi ħdan il-Parlament Ewropew, saħaq li l-Parlament Ewropew ra dan il-kampjonat bħala messaġġ ħażin li dawn it-tnax-il klabbs jridu aktar flus.

“Id-diskussjoni għandha tinkludi lil kulħadd partikolarment lill-partitarji li huma l-unika bażi stabbli fil-futbol”, saħaq Tarabella.

L-MEP Soċjalista qal li għalkemm numru ta’ timijiet irtiraw minn dan il-kampjonat, t-theddida għadha hemm, u dan għandu jagħti lok għal diskussjoni bejn dawk involuti. Hu enfasizza li d-diskussjoni għandha tinkludi lil kulħadd, kemm dawk favur il-European Super League kif ukoll dawk kontra.

Minkejja dan, Il-Ko-ordinatur tal-Grupp Sportiv fi ħdan il-Parlament Ewropew qal ukoll li l-UEFA għandha l-intenzjoni li tbiddel l-affarijiet, fosthom il-format taċ-Champions League, fejn in-negattivita’ ta’ bħalissa tista’ tinbidel f’opportunita’ sabiex titjieb il-kompettitivita fil-futbol Ewropew.

L-Onor Tarabella qal ukoll li dan kien messaġġ żbaljat minn naħa ta’ dawn it-timijiet “sinjuri iżda b’dejn finanzjarju kbir”, fejn saħaq li t-timijiet iż-żgħar għandhom ikollhom l-opportunita’ li jilgħabu kontra dawk it-timijijet meqjusa akbar minnhom.  

Sadanittant, il-Kwestur tal-Parlament Ewropew u MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa qal:

“Kemm ilni Membru tal-Parlament Ewropew, jien dejjem ħdimt, speċjalment fil-Kumitati li jien Membru tagħhom, biex nassigura li fl-Ewropa jkollna l-ugwaljanza, biex ħadd ma jkun trattat differenti minn ħaddieħor. Id-diskussjoni fix-xenarju tal-futbol fl-aħħar jiem urietna kemm hu importanti li l-istituzzjonijiet Ewropej ikomplu bil-ħidma tagħhom biex iz-zgħir qatt ma jispiċċa vittma tad-deċizjonijiet li jieħdu l-kbar.”

“Dan jgħodd kemm fil-futbol kif ukoll f’setturi oħra. Jien ma rrid nara qatt li Malta, pajjizi, jigi trattat ta’ inqas minn xi pajjiz iehor, u l-idea li tressqet ‘il quddiem fl-aħħar jiem kienet se tkun ta’ żvantagg għall-futbol lokali, b’mod partikolari għall-klabbs lokali u l-vantaġġi finanzjarji permezz tal-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Jien inħares ‘il quddiem biex inkompli naħdem biex fl-Ewropa jkollna ugwaljanza, u biex ħadd, ġej minn fejn ġej, ma jkun żvantaġġjat.”