Internazzjonali

Lejn passi kruċjali għall-ħarsien tal-klima

 

L-Istati Uniti żvelat pjan aġġornat li permezz tiegħu qed timpenja ruħha biex tnaqqas kważi bin-nofs l-emissjoni tal-gassijiet ħżiena sal-2030.

Dan meta l-President Amerikan Joe Biden qed imexxi summit virtwali fil-White House ( ta’ Washington) għal xi 40 mexxej tad-dinja u fejn qed jipprova jixpruna ‘l-ambizzjonijiet globali lejn il-kontroll tal-bidliet fil-klima’. Is-summit beda llum u mistenni jikkonkludi għada l-Ġimgħa – bl-Istati Uniti qed terġa’ tipprova tkun protagonista tal-impenn globali wara li l-eks President Amerikan, Donald Trump, kien ħareġ pajjiżu mill-Ftehim ta’ Pariġi (dwar il-klima).

Joe Biden ilu jinsisti li d-doveri tal-Istati Uniti għall-ħarsien tal-klima se jingħataw priorità mill-Gvern tiegħu – bl-Istati Uniti tissieħeb mill-ġdid fil-Ftehim ta’ Pariġi sa mill-ewwel jum tal-Presidenza tiegħu.

Intant. l-uffiċjali ewlenin f’dan il-qasam qegħdin iħeġġu biex il-pajjiżi li waqgħu lura fl-impenji għall-ħarsien tal-klima ‘iqumu mill-aktar fis għar-responsabbiltajiet tagħhom’.