Internazzjonali

Pakistan: Mejtin u feruti minn splużjoni f’lukanda lussuża

Splużjoni ta’ bomba fl-artijiet ta’ lukanda lussuża fil-belt ta’ Quetta ( fil-provinċja ta’ Balochistan) ħalliet talanqas ħames mejtin u numru mhux determinat ta’ midruba.

Intant, il-militanti tal-moviment tat-Taliban fil-Pakistan assumew ir-responsabbiltà għall-isplużjoni fis-sit tal-parkeġġ tal-Lukanda Serena filwaqt li ħarġu wkoll il-messaġġ li ‘kienu qed jimmiraw għall-pulizija u uffiċjali oħra fl-inħawi.’

L-attakk qed jidher li twettaq minn aggressur suwiċida li uża vettura pakkjata bl-isplussivi. L-isplużjoni kaġunat in-nirien li ħakmu l-karozzi fl-inħawi u bir-rapporti jgħidu li mietu diversi gwardjani tas-sigurtà, b’oħrajn jisfaw feruti.

Aktar tard fil-jum, ir-residenti kollha tal-lukanda  kienu rappurtati bħala ‘qawwijin u sħaħ’.

Sadanittant, ir-rapporti inizjali qalu li l-Ambaxxatur taċ-Ċina kien il-veru mira tat-terroristi. Sar magħruf ukoll li l-ambaxxatur, Non Rong, kien fl-inħawi ta’ Quetta meta seħħ l-attakk iżda ma kienx fil-lukanda fil-ħin tal-isplużjoni.

Madankollu, il-moviment tat-Taliban fil-Pakistan ma għamel l-ebda referenza għall-ambaxxatur Ċiniż fl-istqarrijiet tiegħu.

Dan il-moviment – l-istess bħal organizzazzjonijiet oħrajn ta’ militanti – fl-aħħar xhur  żied l-attakki fiz-zoni tal-Pakistan li jmissu mal-fruntiera tal-Afganistan u li huma dominati mit-tribujiet rispettivi.

It-Taliban Pakistani – jew Tehrik-e-Taliban Pakistan (TTP) – kien ilu s-snin jixpruna l-vjolenza u l-isplużjonjiet suwiċida madwar il-pajjiż — iżda l-attivitajiet qattiela kienu naqsu sew wara l-offensiva kbira tal-2014 mill-militar Pakistani kontra l-istess militanti.