Lokali

Pjan sħiħ li jinkludi kemm viżjoni kif ukoll azzjoni – Korpi Kostitwiti dwar il-pjan tal-PN dwar it-turiżmu

Iktar reazzjonijiet pożittivi mill-istakeholders fil-qasam tat-turiżmu għall-Pjan 2 + 8 varat din il-ġimgħa mill-PN

Waqt il-programm Net Live, iċ-Chairman tas-sezzjoni turiżmu, ospitalita’ u divertiment fil-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji Philip Fenech qal li l-proposta li n-negozji jingħataw nifs biex iħallsu t-taxxa dovuta fuq ħames snin hi waħda ta’ importanza kbira.

Hu qal li hemm l-idea żbaljata li n-negozji għandhom riżervi kbar. Fir-realta’ il-maġġoranza kbira tal-intrapriżi żgħar komplew jinvestu u meta waslet il-pandemija, huma nqabdu f’morsa ta’ nuqqas ta’ dħul għal għarrieda u obbligi ta’ self u taxxi x’jitħallsu.

Philip Fenech spjega wkoll li l-proposta ta’ tnaqqis ta’ VAT għal 7%  hi waħda li se tgħin sew u twassal biex eventwalment il-Gvern jispiċċa jiġbor iktar għaliex tiżdied l-attivita’ ekonomika.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat qal li l-pjan tal-PN jirrifletti l-prinċipji ewlenin ta’ sigurta’, konnetivita’ u sostenibbilta’. Pjan li jqanqal diskussjonig għax ma jinkludix biss prinċipji, iżda wkoll proposti għal azzjoni.

Iċ-Chairman tas-sezzjoni tat-turiżmu fil-Kamra tal-Kummerċ Alan Arrigo faħħar il-firxa wiesa’ ta’ proposti li hemm fid-dokument, li jolqot anki dawk is-setturi li mhux daqstant viżibbli imma li huma parti integrali mat-turiżmu bħala attivita’ ekonomika. Insista wkoll fuq is-sostenibbilita’, u wissa biex ma nibqgħux nimmiraw biss li nġibu numri dejjem ikbar ta’ turisti.

Ir-rapprezentanti tal-Korpi Kostitwiti apprezzaw ukoll il-fatt li l-pjan hu wiehed flessibli u li huwa working document; jiġifieri dokument ħaj u li jevolvi bil-kontribut ta’ kulmin għandu sehem f’dan is-settur. Apparti tnaqqis fil-VAT, il-PN qed iwiegħed fost l-oħrajn aktar tax credits, progetti infrastrutturali, investiment f’Ghawdex, u Boroz ta’ Studju ghall-Istudenti tal-Ingliz.