Lokali Qorti

Probation għax qabad it-triq it-tajba wara li kien jisraq għad-droga

Raġel ta’ 37 sena minn Birkirkara tpoġġa fuq ordni ta’ probation wara li kkommetta numru ta’ serqiet minn għadd ta’ stabbilimenti biex jissodisfa l-kilba tiegħu għad-droga. Huwa ammetta l-akkużi miġjubin kontrih bil-Qorti tinnota wkoll il-progress kbir li għamel u li miexi fit-triq it-tajba wara li b’suċċess temm programm residenzjali kontra l-vizzju tad-droga u li wasal biex jibda ieħor mal-Caritas.

Nicholai Azzopardi ammetta li wettaq diversi serqiet tul ix-xhar ta’ Diċembru tas-sena 2020 fejn seraq diversi oġġetti minn diversi negozji u ikkaġuna wkoll ċertu ħsarat. Huwa ammetta li fit-12 ta’ Dicembru għall-ħabta tal-4:00am. seraq mill-istabbiliment La Siciliana, li jinsab f’ Attard, li fil-lejl ta’ bejn it-12 u 13 ta’ Diċembru 2020, wettaq serqa mill-Costa Coffee, fl-Imrieħel , fit-28 ta’ Diċembru 2020 għall-ħabta tas-2:00am gewwa, wettaq serqa mill-kumpanija Eatwell li tinsab Birkirkara.

Għall-finijiet ta’ piena, l-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni l-fatt li l-imputat ibati mill-vizzju serja tad-droga u li kien sforz ta’ dan il-vizzju li ħakmu li wasslu sabiex jaghmel dawn is-serqiet. Sal-ġurnata tal-lum għandu sentenza waħda reġistrata kontrih, liema sentenza tirrigwardja serq sabiex imanti l-vizzju tad-droga tiegħu.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia semgħet lil-missier l-imputat jiddikjara li kemm ilu l-habs l-imputat, ir-relazzjoni tagħhom tjibet u lest li jaċċetta lil ibnu lura f’daru bil-kundizzjoni espressa li jsegwi programm tad-droga mil-bidu sa’ l-aħħar, u joħroġ mid-dar biss meta ikun akkumpanjat minn missieru, liema kundizzjonijiet gew aċċettati mill-imputat.

Il-Qorti semgħet ukoll rappreżentant tal-Caritas tiddikjara li l-imputat għandu vizzju tad-droga u li ngħata post ġewwa l-Caritas sabiex jibda programm. Dan il-programm għandu jibda f’nofs Mejju u dment li ma jkunx qed jiskonta piena karċerarja, għandu post garantit sabiex jibda l-programm ta’ riabilitazzjoni.

Il-Qorti fliet il-pre sentencing report magħmul mill-uffiċjal tal-probation li bih kienet infurmata li Azzopardi ikkoopera bis-sħiħ matul l-investigazzjoni. Illi kien diġa temm b’suċċess programm residenzjali kontra l-vizzju tad-droga iżda kien reħa’ beda jabbuza matul l-aħħar fażi meqjusa bħala rientegrazzjoni lura fis-soċjetà.

Dan wassal sabiex spiċċa mingħajr akkomodazzjoni fissa kif ukoll mingħajr l-ebda kuntatt mal-membri tal-familja. Illi dan kien l-ewwel mument li wasslu sabiex ixellef dufrejh mal-ġustizzja. Minn l-istess pre sentencing report irriżulta li l-imputat lest li jħallas l-kumpens b’rati mensili u less li jipparteċipa fi proċess ta’ medjazzjoni u dan sabiex jitlob skuża lill-vittmi involuti.

Il-Qorti qieset iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u għalhekk qalet li hija tal-fehma illi piena karċerarja f’dan l-istadju mhix ser tħalli il-frott illi wieħed jkun qed jistenna anzi il-kuntrarju. Għalhekk il-Qorti qalet hija tal-fehma li jeżistu ċ-ċirkostanzi meħtiega u msemmija fl-Artikolu 7(1) tal-Kapitolu 446 tal-Liġijiet ta’ Malta, li jkun l-aqwa nteress tas-soċjetà u tal-imputat innifsu li jitqiegħed taħt ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ tliet snin.

Għal dan l-iskop qegħda tordna l jitqiegħed taħt sorveljanza ta’ Uffiċjal tal-Probation indikat lilu mid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u Parole. Il-Qorti fissret lill-ħati, l-effetti tal-ordni ta’ probation u li f’każ li jonqos milli jikkonforma ruhu ma’ dik l-ordni u/jew f’każ li jagħmel reat ieħor tul it-terminu tal-ordni ta’ probation, jista’ jingħata sentenza għar-reati li tagħhom instab ħati b’din is-sentenza.

Nicholai Azzopardi għandu jingħata l-għajnuna kollha neċessarja sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga u jinghata assistenza psikoloġika sabiex ikun jista jindirizza s-saħħa mentali tiegħu jekk hekk meħtieġ. Il-ħati hawn iddikjara li jaqbel ma’ tali ordnijiet. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius.