Lokali

Raġel arrestat fuq traffikar tad-droga

Eġizzjan ta’ 19-il sena ġie arrestat wara li nqabad b’ammont ta’ droga sintetika waqt ronda mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta.

Meta kienu qegħdin iduru fi Ġnien Herbert Ganado, il-Floriana, ftit qabel is-1am, il-Pulizija nnutaw xi persuni bilqiegħda f’parti mudlama tal-ġnien u għaldaqstant qam suspett fihom u avviċinawhom.

Waqt li bdew ikellmuhom iż-żgħażagħ bdew jaġixxu b’mod suspettuż, għalhekk saret tfittxija fuqhom u fil-pussess ta’ wieħed miż-żgħażagħ instabu 12-il pakkett b’sustanza suspettata droga sintetika, f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Iż-żagħżugħ ġie arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti dalgħodu, għall-ħabta tal-11am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella b’akkużi relatati ma’ dan il-każ. L-investigazzjonijiet qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.