Internazzjonali

Russja: Protesti favur Navalny… bi sfida għall-Gvern

Eluf kbar ta’ nies madwar ir-Russja ssieħbu f’rallies li ma kenux awtorizzati biex isemmgħu leħinhom kontra l-priġunerija tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alexei Navalny, li hu kritiku ewlieni tal-President Russu Vladimir Putin.

In-nies sejħu biex Navalny – li ilu l-ġimgħat għaddej bi strajk tal-ġuh fil-ħabs – jingħata kura medika xierqa. Intant, ir-rapporti qalu li ‘il fuq minn 1,000 dimostrant spiċċaw arrestati fl-aħħar sigħat.

Alexei Navalny ilu miżmum il-ħabs minn Frar u għandu bżonn il-kura għall-uġigħ persistenti f’dahru u saqjh.

L-akbar protesta ‘illegali’ favur Navalny saret f’Moska iżda kien hemm ukoll dimostrazzjonijiet kbar oħra f’ San Pietruburgu; Vladivostok ( fil-Lvant Imbiegħed tar-Russja) u f’numru ta’ bliet fis-Siberja. Protesta sinifikanti oħra kienet organizzata fil-belt ċentrali ta’ Vladimir fejn qed jinżamm Alexei Navalny.

Skont il-pulizija, talanqas 15,000 ħarġu jipprotestaw ‘f’29 belt tal-pajjiż iżda diversi gruppi li kienu qed isegwu l-iżviluppi qalu li l-ammonti tad-dimostranti kienu bil-wisq akbar minn dik iċ-ċifra.

Kelliema għad-dimostranti qalu li huma qed jiġġieldu għall-futur ta’ pajjiżhom u li ‘ir-Russja qed tieħu l-aħħar nifs bħala pajjiż ħieles’.

Intant, xi osservaturi esprimew dubji dwar kemm il-protesti ‘jistgħu jsalvaw lil Navalny’, minkejja li d-dimostranti baqgħu jisfidaw lill-awtoritajiet li kienu wissewhom ċar u tond biex ‘ma joħorġux fit-toroq’.

Dan waqt li l-ibliet fejn saru l-protesti kienu mimlijin bil-pulizija – bl-iskwadri għal kontra l-irvellijiet f’Moska jkeċċu lin-nies ‘il hinn miz-‘zona tal-protesti’ fost l-isforzi intensivi biex huma jikkontrollaw il-movimenti tad-dimostranti.