Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li ffrodat anzjana 90,000 ewro

Mara tad-dar mir-Rabat ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstabet ħatja li ffrodat anzjana li kienet tieħu ħsieb is-somma ta’ €90,000. Il-Qorti preseduta mill-Maġistat Astrid May Grima ordnat lil Michelina Grech ta’ 60 sena biex fi żmien sitt xhur tirrifonda lura s-somma frodata.

Mill-provi rriżulta li Michelina Grech kienet il-ġara ta’ Tessie Micallef, mara anzjana, u li kienet ilha diversi snin tieħu hsieb il-bżonnijiet tagħha u ta’ hutha Katie u Karmenu qabel ma dawn mietu. Ghal bidu Michelina Grech kienet tagħti l-għajnuna mingħajr ħlas iżda maż-żmien ix-xoghol beda jiżdied, u bdiet tqatta’ ħafna iżjed ħin u għalhekk Tessie Micallef bdiet tħallasha talli kienet tgħinha.

Ghal bidu kienet tħallasha €200 fix-xahar u maż-żmien dan l-ammont żdied għal €400 fix-xahar. Ħu Tessie, Freddie kellu prokura ta’ Tessie u kien jiġbdilha l-flus mill-bank u Tessie kienet tiffirmalu li ħadithom. F’Diċembru 2014, Tessie marret l-bank HSBC tar-Rabat, ma’ Michelina u kienu ġabu ktieb taċ-ċekkijiet u għalqu xi kontijiet li kienu fissi u poġġew il-flus fis-‘savings account’. Minn dak iż-żmien sa Awwissu 2015 Tessie iffirmat diversi ċekks, fejn l-ammont totali tagħhom kien ta’ €90,900.

Mill-provi ħareġ ukoll illi Tessie kienet tiffirma ċ-ċekk vojt u Lina kienet timla’ d-dettalji u cioe’ li tikteb li ċekk qed joħroġ f’isem Michelina Grech, u l-ammont, li bejn ċekk u ieħor kien ivarja, wara li tiffirma Tessie. Tessie kienet tgħidilha għamel kemm hemm bżonn għax kienet tafdaha.

F’April 2015, Tessie daħlet f’dar tal-anzjani f’tas-Sliema u Michelina baqgħet tmur taraha kuljum. Freddie li jigi ħu Tessie, kien induna kemm kienu qed jinġibdu flus mill-imputata meta rċieva ‘statement’ tas-‘savings’, fejn ra illi kien hemm ħafna movimenti ta’ flus, u għalhekk mar il-bank ħalli jara x’kien qiegħed jiġri.

Peress illi kellu prokura minghand Tessie, ingħata kopji taċ-ċekkijiet kollha li kienu ħarġu mill-kont ta’ Tessie, li kienu jinkludu l-ħlas lil Home, lil Go, lil Michelina u lil ħuha David Grech. Irrizulta wkoll illi Tessie kienet ukoll għamlet testment fejn kienet se tħalli €100,000 lil Michelina wara mewtha.

L-imputata xehdet illi li kieku kellha titħallas tas-siegħat li għamlet ma’ Tessie l-ammont kien jaqbeż il-€103,000 u għalhekk Tessie kienet qiegħda tgħadilha l-flus permess taċ-ċekkijiet għax riedet tagħtihomlha matul ħajjitha, għax skond l-imputata, jista’ jkun li ma kienx se jkun baqa’ flus fil-kont.

Tessie min-naha l-ohra xehdet illi kienet tiffirma ċ-ċekks vojta għax kienet tafdha lil Michelina, u kienet tgħidilha għamel li hemm bżonn, imma ma’ kinitx taf li kienu qegħdin jinġibdu l-eluf minn Michelina, u dan f’qasir żmien, u qatt ma’ bassret li l-imputata ħa tagħmlilha dan l-aġir.

Fil-fatt meta saret taf li Michelina ħaditilha aktar minn €90,000 hi bidlet it-testment sabiex tneħħi l-ammont ta’ €100,000 li kienet se tħalli lil Michelina. Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li Illi fir-rigward dawn ir-reati, mix-xhieda moghtija mill-anzjana li ħames snin ilu, Grech użat l-ingann, meta hija kienet tħalli lill-anzjana tiffirma fuq ċekks vojta mingħajr isem lil min se jitħallsu, minghajr ammont u mingħajr ma’ tagħti raguni għal xhiex se jitħallsu. L-Avukati Franco Debono u Martin Fenech deheru għal Michelina Grech filwaqt li l-Avukat Joe Giglio kien parte civile għan-nom tal-vittma.