Lokali

Tinfaqa’ bużżieqa oħra tal-Partit Laburista

L-eks President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Victor Scerri jingħata raġun mill-Awtorità tal-Ippjanar

Tinfaqa’ bużżieqa oħra f’wiċċ il-Partit Laburista.

Wara li gideb fuq il-BWSC, fuq l-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono u żewġha, kif ukoll fil-konfront tax-xufier tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busutil fost oħrajn, għal darb’oħra esponenti u l-media tal-Partit Laburista reġgħu nqabdu f’gidba oħra.

Din id-darba dwar il-permess li kien mogħti lill-mara tal-eks President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Victor Scerri għall-bini mill-ġdid ta’ farmhouse abbandunata fil-Baħrija, li wara aktar minn 12-il sena saret ġustizzja miegħu.

Fl-2009, sena wara li l-MEPA kienet ħarġet permess għall-estensjoni ta’ din il-binja u wara li beda x-xogħol, esponenti u l-media tal-Partit Laburista kienu bdew kampanja qawwija kontra Victor Scerri u l-familja tiegħu, bl-intenzjoni li jħammġuh.

Dak iż-żmien, Scerri kien għażel li jirriżenja mill-kariga fl-Amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista biex ikun jista’ jiddefendi l-każ bħala ċittadin privat u mingħajr ma ssir ħsara lill-Partit, fost attakki mill-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat, kif ukoll preżentaturi u reporters tal-media Laburista, fosthom Miriam Dalli, Ramona Attard, Charlon Gouder u Jonathan Attard.

Minbarra diversi stejjer fuq il-media Laburista, esponenti tal-istess Partit kienu attendew ukoll għal dimostrazzjoni li saret qrib il-post, fosthom l-eks Segretarju Ġenerali Jason Micallef u d-Deputat Anthony Agius Decelis.

Aktar tard, il-Qorti kienet iddeċidiet li l-eks President tal-Kunsill Ġenerali ma kien ikkommetta l-ebda illegalità fil-Baħrija.

U fl-aħħar jiem, l-Awtorità tal-Ippjanar tatu raġun billi ħarġet il-permess fuq il-binja – li llum biddlet is-sidien – wara li l-istess Awtorità kienet irtiratu wara l-pressjoni li kienet saritilha mill-Partit Laburista, f’konferma ċara li hu kien vittma ta’ kampanja partiġġjana u personali inġusta.