Internazzjonali

Covid-19: L-Italja riesqa lejn tnaqqis sinifikanti tar-restrizzjonijiet

Il-parti kbira tal-Italja, mill-bidu tal-ġimgħa d-dieħla, se tara tnaqqis sinifikanti fir-restrizzjonijiet għall-Covid-19. Dan meta z-zoni s-‘sofor’ indikati għal sogru moderat mill-coronavirus se jerġgħu jsiru effettivi min-nhar it-Tnejn – u meta s’issa ir-reġjuni tal-Italja huma klassifikati bħala ‘zoni ħomor’ ( jiġifieri ta’ sogru partikulari) jew ‘oranġjo’ li jindikaw element ta’ sogru li jvarja minn medju sa għoli.Intant hemm aspettativa kbira fost it-Taljani meta sa erbatax-il reġjun u żewġ provinċji awtonomi kapaċi jkunu dikjarati bħala zoni ‘sofor’.

Dan ikun ifisser li r-ristoranti, mill-ġimgħa d-dieħla, jistgħu jservu lin-nies fuq barra aktar milli jillimitaw is-servizzi għal takeaways u home deliveries.

Il-Gvern Taljan f’dawn il-jiem se jkun qed jipprezenta l-ewwel Pjan ta’ Irkupru ghal wara l-pandemija – b’dan il-pjan mistenni jaqbez il-200 biljun ewro. Il-progett ekonomiku tal-Prim Ministru Mario Draghi se jinkludi injezzjoni qawwija ghall-innovazzjoni u kompettivita, flimkien ma’ miljuni kbar ghal dik li qed tissejjah Green Revolution fl-Italja.

Sadanittant, ir-reġjuni fejn se jonqsu r-restrizzjonijiet jinkludu Abruzzo, Campania, Emilia Romagna, Friuli, Venezia, Lazio, Liguria, Puglia, Toscana, Umbria u Veneto – bil-provinċji awtonomi inkwistjoni jkunu Bolzano u Trento.

Il-Gvern Taljan se jikklassifika r-reġjuni fuq bażi taċ-ċifri li jingħataw regolarment mill-Ministeru tas-Saħħa u l-Ogħla Istitut tas-Saħħa fil-pajjiż. Dan meta Basilicata, Calabria, Sqallija u Valle d’Aosta mistennija jkunu kategorizzati bħala ‘zoni oranġjo’ fejn ir-ristoranti u l-bars jistgħu joffru biss takeaways jew iwasslu l-ikel fid-djar. Fl-istess ħin, Sardinja mistennija tibqa’ ‘zona ħamra’ fejn in-nies ikunu jridu jagħtu raġuni valida lill-awtoritajiet biex joħorġu mid-djar – u bil-ħwienet li jbiegħu l-affarijiet essenzjali se jibqgħu magħluqin.

Aħbar pożittiva oħra mill-Italja kienet li n-numru tar-riproduzzjoni (Rt) tal-Covid-19 niżel għal 0.81 miz- 0.85 ta’ matul il-ġimgħa li għaddiet. Dan skont l-aħħar aġġornament tas-sitwazzjoni tal-coronavirus mill-awtoritajiet tas-saħħa Taljani li jkopri l-perjodu speċifiku bejn it-12 u t-18 ta’ April.

F’każ li numru tal-Rt ikun aktar minn wieħed, is-sitwazzjoni tkun qed tindika li l-pandemija f’pajjiż partikulari tkun għaddejja minn fażi ta’ espansjoni.