Coronavirus Lokali Turiżmu

Ebda direzzjoni ċara dwar il-ftuħ tar-ristoranti u l-bars

“Id-dettalji ser ikunu qed jitħabbru fil-jiem li ġejjin” – Hija din ir-risposta li tagħna l-Ministru tat-Turizmu meta saqsejnih meta se jiftħu l-bars u r-ristoranti ta’ pajjiżna – settur li bħalissa jinsab fil-limbu. Dan il-qasam, inkluż is-settur tal-attivitajiet tal-massa, ilu għal diversi xhur jiftaħ u jagħlaq mingħajr ċans li jippjana sew għall-futur.

Jidher li din is-sitwazzjoni se tkompli, hekk kif il-Gvern qed jonqos milli jħabbar pjan konkret għal settur li minnu jaqilgħu l-għixien tagħhom eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin. Filfatt, fl-aħħar jiem l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti appellat lill-Gvern biex jieħu azzjoni immedjata, u insistiet li s-sidien issa  laħqu punt fejn ma jistgħux jistennew aktar minħabba li s-sitwazzjoni tagħhom saret waħda gravi.

Intant, mistoqsi dwar il-pjan għat-Turiżmu li nieda din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista b’aktar minn 100 proposta għal dan is-settur, il-Ministru għazel li jipprova jċekken il-pjan preżentat, minkejja li l-għaqdiet ħarġu jfaħħru l-proposti. Il-Ministru sejjaħ il-pjan tal-PN bħala “wishlist” – Ministru għat-Turiżmu li rredikola pjan li jista’ jgħin is-settur li hu jmexxi.

Il-pjan ta’ 10 snin li nieda l-Partit Nazzjonalista joffri soluzzjoni mifruxa fuq sentejn għall-kriżi li qed iġġarrab l-industrija bħalissa waqt il-pandemija, kif ukoll pjan ieħor ta’ tmien snin li jagħti direzzjoni lill-industrija kollha.