Lokali Saħħa

Ebda għajnuna għall-COVID mill-passaporti

Il-Ministru għall-Ekonomija għandu jieqaf jipprova jgħaddi l-poplu Malti, l-ħaddiema ħabbrieka Maltin u Għawdxin biż-żmien u jiddefendi l-iskema tal-passaporti billi jipprova jagħti x’jifhem li dawn il-flus intużaw biex Malta tiġġieled il-COVID-19. Dan huwa kompletament falz.

Il-PN permezz tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario Demarco qal li meta mqabbel mal-2019, id-defiċit tal-Gvern żdied b’€1.3 biljun. Fl-istess perjodu, l-Gvern irrapporta żieda fid-dejn ta’ €1.26 biljun. Dan ixejjen kompletament l-argument tal-Ministru Schembri. Il-flus li l-Gvern nefaq għall-COVID-19 ġejjin kollha minn dejn akbar fuq dahar pajjiżna.

Bil-bejgħ tal-passaporti u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, Gvern Laburista daħħal mas-€700 miljun biex kiseb surplus li rnexxilu jberbaq f’qasir żmien biex jiffinanzja ż-żieda bla preċedent f’nefqa rikorrenti, fosthom l-ispejjeż għall-akbar u l-aktar Kabinett sporpozjonat fl-istorja ta’ pajjiżna.

Dan in-nuqqas t’għaqal, ifisser li meta waslet in-nefqa mhux mistennija tal-pandemija, il-Gvern ma kellux triq oħra ħlief jerġa’ jisplodi d-defiċit ta’ pajjiżna, tant li sar it-tieni l-ogħla fl-Ewropa u jżid bl-istess mod id-dejn.