Lokali

“Għanqbuta inkredibbli” – Prof. Andrew Azzopardi

Wara l-istejjer xokkanti dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti

“Għanqbuta inkredibbli. Allegati manuvri. Kull ġurnata toħroġ oħra. U issa l-Passaport Papers. U l-agħar ħaġa f’ dan kollu hi li qisu xejn mhu xejn, u ħadd ma jiġi mressaq 24 siegħa wara tali storja”.

Dikjarazzjoni qawwija li saret mill-Professur Andrew Azzopardi, Dekan fl-Università ta’ Malta, għall-istejjer li ħarġu bejn ilbieraħ u llum b’rabta mal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. Dan hekk kif dalgħodu t-Times żvelat dettalji ġodda dwar il-mod li bih il-Partit Laburista kien qed jinnegozja ma’ Henley & Partners xhur qabel ma ħarġet is-sejħa biex titwaqqaf l-IIP – stqarrija li ma ġiet miċħuda minn naħa tal-Gvern Laburista.

Il-Professur Azzopardi jgħid illi wasal il-mument li grupp ta’ Imħallfin jieħdu r-riedni f’ idejhom u jużaw il-mezzi kollha tagħhom (inkluż l-għerf tal-ligi) u jkunu huma li jġibu dal-pajjiż f’ sensih.

“Sirna pajjiż li s-serq, il-korruzzjoni, il-ħmieġ, it-taħwid, l-intriċċi bejn il-politiċi u n-negozjanti u l-konfużjoni papali saru normalità”, stqarr Andrew Azzopardi.

Wara li l-Gvern ilu s-snin jaqla’ kritika qawwija għal kif kienet qed titmexxa din l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, id-dettali ġodda li ħarġu fl-aħħar 24 siegħa juru kif investituri Russi, Ċiniżi u mis-Saudi kienu qed jixtru l-passaport tagħhom lejn l-Ewropa mingħajr ma jirrispettaw verament l-obbligu bil-liġi tar-‘rabta ġenwina’ jew genuine link.