Lokali Saħħa

Gvern Nazzjonalista se jindirizza is-servizzi tal-IVF

Fi tmiem il-ġimgħa ddedikata biex tinħoloq aktar kuxjenza fuq il-problema tal-infertilita’, il-Partit Nazzjonalista jsellem lil dawk l-individwi, koppji u familji li għaddejjin minn dan il-mument diffiċli. Tislima u ħajr ukoll lill-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam sensittiv.

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliema tiegħu, David Agius, Stephen Spiteri u Claudette Buttigieg qal li huwa konxju li minħabba l-COVID-19 tħassru ħafna appuntamenti fl-IVF Clinic. Għaldaqstant jappella biex dawk il-koppji li waqgħu lura fit-trattament jingħataw attenzjoni immedjata. Kull xahar li jgħaddi jagħmel differenza enormi fil-possibbilta’ ta’ tqala tant mixtieqa. Il-Partit Nazzjonalista huwa konxju li għalkemm is-servizzi tal-IVF huma bla ħlas, il-mediċina tat-trattament qed tiswa lill-pazjenti eluf kbar  ta’ ewro. Gvern Nazzjonalista se jindirizza din il-karba li bosta qed ikellmuna fuqha.

Il-Partit Nazzjonalista jappella għal aktar sapport, edukazzjoni u sensittivita’ lejn individwi, koppji u familji li qed jaffaċċjaw l-infertilita’. Huwa ċar li hemm bżonn ta’ ħidma iktar b’saħħitha fil-prevenzjoni tal-infertilita’ li f’numru kbir ta’ każijiet tista’ tissolva jekk tkun indirizzata fi żmien bikri. Biex koppji, individwi u familji li qed jiffaċċjaw problemi ta’ infertilita’ jkollhom is-suċċess tant mixtieq, hemm bżonn ta’ ħidma ħolistika li tindirizza l-aspetti mediċi, psikoloġiċi, fiżiċi, ambjentali u finanzjarji li qed iwasslu għal tant tbatija.