Edukazzjoni Ekonomija Lokali Turiżmu

“Il-proposti tal-PN jirrikonoxxu lin-nies fl-industrija” – FELTOM

Ikomplu joħorġu aktar reazzjonijiet pożittivi dwar il-proposti ppreżentati mill-Partit Nazzjonalista għas-settur tat-turiżmu, din id-darba mill-FELTOM – il-Federazzjoni li tirrapreżenta l-iskejjel tal-Ingliż f’pajjiżna.

Waqt il-programm Net Live ppreżentat minn Robert Cremona, il-Kap Eżekuttiv ta’ FELTOM, Caroline Tissot faħħret il-pjan ta’ 100 proposta għat-turiżmu illi tnieda mill-Partit Nazzjonalista.

“Ħadna gost li ġejna inklużi bħala industrija fil-proposti li introduċa l-Partit Nazzjonalista,” qalet Tissot. “Dan iffisser li bħala industrija ġejna rikonoxxuti u meqjusa bħala industrija importanti ħafna. L-erba’ proposti kienu interessanti ħafna li jistgħu jintużaw bħala bażi u nespandu fuqhom.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-FELTOM qalet li s-sitwazzjoni bħalissa mhi sabiħa xejn hekk kif in-numru ta’ studenti naqas drastikament, tant li s-sena l-oħra raw tnaqqis ta’ 73 fil-mija. U jekk ma jsir xejn, hi qalet li hemm ċans li għadd ta’ skejjel se jkollhom jagħlqu għal kollox.

Preżenti waqt il-programm kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista ghat-Turizmu, Robert Arrigo illi spjega kif il-pjan imħejji mill-Partit Nazzjonalista ħoloq interess fis-settur turistiku, b’dawk fis-settur qed jitolbu lill-Gvern biex ma jgħatihx il-ġenb…. iżda japplika dawn il-proposti għall-ġid tan-negozji. Hu qal li dan il-pjan jaħseb f’kollox, mill-bidu tal-battalja biex pajjiżna joħroġ mill-pandemija sakemm finalment, b’mod sigur, in-negozji jerġgħu jibdew jissaħħu.

Ir-rapprezentanti tal-Korpi Kostitwiti fl-aħħar jiem apprezzaw ukoll il-fatt li dan il-pjan hu wieħed flessibli u li huwa working document; jiġifieri dokument ħaj u li jevolvi bil-kontribut ta’ kulmin għandu sehem f’dan is-settur. Apparti tnaqqis fil-VAT, il-PN qed iwiegħed fost l-oħrajn aktar tax credits, proġetti infrastrutturali, investiment f’Għawdex, u Boroż ta’ Studju għall-Istudenti tal-Ingliż.