Għexieren ta’ nies spiċċaw midruba f’Ġerusalemm tal-Lvant waqt battalji bejn attivisti Lhud estremisti, pulizija u dimostranti Palestinjani.Il-vjolenza żbruffat waqt li l-pulizija Iżraeljana pruvat tissepara lill-Palestinjani mil-Lhud estremisti tal-lemin – u wara ljieli konsekuttivi ta’ inċidenti fis-settur li hu okkupat mill-Iżraeljani. Fil-preżent l-inħawi ta’ Ġerusalemm huma ddominati mit-tensjoni politika u reliġjuża li qed tqanqal il-vjolenza kontinwa mill-gruppi radikali.
Fil-fatt, Ġerusalemm tal-Lvant ilu s-snin punt ta’ diżgwid qawwi, meta r-residenti Lhud u Għarab fis-settur qed jgħixu maġenb xulxin fost tensjoni kontinwa. L-Iżraeljani ilhom jokkupaw Ġerusalemm tal-Lvant minn żmien il-Gwerra tal-1967 fil-Lvant Nofsani meta Iżrael kien għamel il-kisbiet territorjali kbar għall-ispejjeż tal-Għarab.
Filwaqt li l-Iżraeljani jikkunsidraw il-Lvant ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali tagħhom, dan il-jedd mhux qed ikun rikonoxxut mill-maġġoranza tal-pajjiżi li jiffurmaw il-komunità internazzjonali. Min-naħa tagħhom, il-Palestinjani jridu li Ġerusalemm tal-Lvant ikun il-belt kapitali ta’ Stat tal-Palestina fil-futur.
Intant, fil-lejl tal-Ħamis kien hemm l-agħar waqtiet ta’ ġlied f’Ġerusalemm tal-Lvant wara li mijiet ta’ estremisti Lhud mill-grupp Lehava marċjaw lejn il-Bieb ta’ Damasku li jipprovdi l-entratura għall-Belt l-Antika ta’ Ġerusalemm u fejn kien hemm miġbura ammonti kbar ta’ Palestinjani.
In-naħat avversarji spiċċaw iwaddbu l-ġebel u l-fliexken lejn xulxin, bil-pulizija tuża l-gass tad-dmugħ u stun grenades biex tferrex lill-gruppi vjolenti. Dan waqt li numru kbir ta’ Palestinjani u pulizija spiċċaw midruba, bil-qawwiet tal-liġi jarrestaw talanqas 50 persuna.
//= $special ?>