Lokali

Jintemm b’suċċess il-vjaġġ ta’ Chetcuti

Wasal fi tmiemu vjaġġ ta’ qdif ta’ ħames persuni, wieħed minnhom Malti, liema vjaġġ beda mill-Portugal u spiċċa fl-Amerika Latina… vjaġġ mhux tas-soltu li sar fl-Oċean Atlantiku u li rnexxilhom jagħmluh f’inqas minn 52 jum.

F’filmat li poġġa fuq il-media socjali hekk kif waslu fi tmiem dan il-vjaġġ, Steve Chetcuti kwazi ma kellux kliem biex  jesprimi s-sodisfazzjon li kien qed iħoss.

“Kienet esperjenza sabiħa,” qal Chetcuti. “Konna tim tajjeb. Kuntent li wasalna s’hawn. U wara kollox kuntent li rnexxili niġbor il-flus għal numru ta’ għaqdiet ta’ karitajiet. Irnexxilna nagħmluha b’suċċess!”

U ma jistax jonqos li vjaġġ ta’ dan it-tip ma kienx wieħed faċli. Fil-fatt, ghar-rotta ta’ 6,000 kilometru intuzat dgħajsa li fiha biss 8.5 metru b’1.7 metru – bl-ispazju limitat ifisser li ma kellhomx post fejn jinħaslu, fost affarijiet bażiċi oħra.

Saħansitra lanqas kellhom post fejn jiccaqalqu ħalli jagħmlu passejn, liema sitwazzjoni wasslithom biex jesperjenzaw feriti f’idejhom, f’saqajhom, u kull post ieħor li jkun kontinwament qed imiss mad-dgħajsa jew il-moqdief.

“Kien vjaġġ brutali,” qal Chetcuti. “B’mod speċjali l-ewwel ftit ġimgħat kienu ferm diffiċli.”

Dan il-vjaġġ kien wieħed speċjali għal Steve …u barra li ddedikah għal ħuh li kien tilef il-battalja mal-kanċer, hu xtaq li permezz ta’ ġbir ta’ donazzjonijiet jgħin lil Hospice Malta, li tant għenu li ħuh.

Iktar dettalji dwar il-vjaġġ ta’ Chetcuti fil-link t’hawn taħt: