Malta qed tesperjenza mal-40 fil-mija ta’ konsum tal-enerġija kawża tal-mod kif qed isir il-bini… filwaqt li 90 fil-mija ta’ ħajjitna nqattugħa fuq ġewwa.
Dawn ir-realtajiet wasslu biex tiġi mnedija analiżi għat-tnaqqis tal-karbonju relatat mal-bini u l-kostruzzjoni, liema xogħol se jsir fix-xhur li ġejjin.
Din l-analiżi bl-isem ta’ Establishing Malta’s Framework for a Net Zero Carbon Building li se ssir b’kollaborazzjoni bejn il-Kamra tal-Kummerc u HSBC Malta hi l-ewwel tat-tip tagħha fejn se toffri riċerka u rapport biex pajjiżna jkollu bini sostenibbli. Dan ir-rapport se jkun qed jiffoka fuq il-pożittiv tal-ambjent, l-ekonomija u s-saħħa tal-bniedem.
Waħda mill-inġiniera li se tkun qed taħdem fuq din l-analiżi hi Abigail Cutajar illi spjegat li l-bini għandu joffri l-inqas użu possibli ta’ enerġija. Hi qalet li dan ma jfissirx li l-għan tagħhom hu li jitnaqqas il-bini u l-kostruzzjoni, iżda meta jsir ix-xogħol, dan isir permezz ta’ enerġija sostenibbli tant li l-ammont ta’ karbonju ikkawżat mill-bini jonqos għal kważi zero.
Biex isir dan, fost oħrajn se josservaw l-materjali użati, l-użu tal-ilma, siti sostenibbli, l-post u t-trasport u l-kwalità tal-ambjent fuq ġewwa. Finalment, dan se jkun addattat ghax-xena lokali filwaqt li saħansitra l-liġijiet ta’ pajjiżna se jiġu analizzati biex jaraw x’jista’ jsir biex jitjiebu.
Il-President ta’ The Malta Chamber, Marisa Xuereb qalet li dan il-proġett se jwassal biex dawk li jkunu qed ifittxu post jifhmu u japprezzaw aħjar x’għandhom ifittxu … u għal xiex se jkunu qed iħalsu.
Minn naħa tiegħu, l-Kap Eżekuttiv tal-HSBC, qal li l-għan ta’ dan ir-rapport hu li jkollna kostruzzjoni sostenibbli b’element ħadrani biex fl-aħħar mill-aħħar dan il-pass jagħti eżempju lil pajjiżi oħra.
F’intervent li sar mid-Deputat Nazzjonalista, Ryan Callus …hu qal li dan il-pass hu tant importanti ghax għadd hemm ħafna xogħol x’isir. Callus fakkar dwar l-importanza li jitqajjem għarfien għax-xiri ta’ bini li joffri sostennbilità tal-enerġija, u biex isir dan hemm bżonn pjan ċar għat-tnaqqis tal-karbonju.

