Lokali Qorti

Sentenza sospiża u ieħor jinżamm arrestat b’rabta ma’ għadd ta’ serqiet

James Alexander Casha  ta’ 49 sena mis-Siġġiewi li jaħdem bħala bennej ġie kkundannat sentejn ħabs sospożi għal erba’ snin wara li ammetta li wettaq diversi serqiet minn karozzi minn karozzi pparkjati kif ukoll minn kappella f’Ħaż-Żebbuġ. Is-serq sar minn tliet lokalitajiet, Ħaż-Żebbuġ, Ħal-Qormi u Ħal Għaxaq.

Matthew Frendo ta’ 45 sena mr-Rabat li tressaq miegħu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit m’ammettiex l-akkużi u baqa’ miżmum taħt arrest preventiv. Fil-Qorti rriżulta li Casha kkopera mal-Pulizija.

Kienu diversi karozzi li ġew sgassati f’temp ta’ erba’ t’ijiem u li minnhom ittieħdu diversi oġġetti bħal nuċċalijiet u aċċessorji. Saret ukoll ħsara f’ħafna mill-karozzi li s-sidien tagħhom joqgħodu fl-inħawi ta’ fejn dawn kienu pparkjati.

Il-maġġoranza tas-serq sar bejn is-16 u l-20 ta’ April li għadda u li dan kien jinkludi serq ta’ flus kontanti miċ-ċenaklu li tinsab fi Triq il-Kbira Ħaż-Żebbuġ. Saret serqa wkoll minn karozza ta’ tabib magħruf minn Ħaż-Żebbuġ fejn  ittieħdiltu bagalja. Sadanittnat fuq talba tal-Prosekuzzjoni l-Qorti ordnat biex ma jixxandrux l-ismijiet tal-vittmi.

L-Avukat Charmaine Cherrett li deheret għaż-żewġt irġiel għamlet talba għal libertà proviżorja ta’ Frendo li qal li ma jaħdimx. Hija tenniet li l-klijent tagħha għandu diversi problemi ta’ saħħa u għandu bżonn l-għajnuna medika.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Roderick Agius, Kevin Pulis u Melvyn Camilleri oġġezzjonat għall-fatt li dan huwa persuna mixli b’aktar minn 18-il akkuża u li hemm10 minn nies pajżana li jridu jixhdu u li dawn huma l-vittmi.

Ingħad li dawn kienu qegħdin fil-kwiet tad-djar tagħhom u sfaw misruqa. L-Ispettur Agius qal ukoll li teżist l-biża tal-kontaminazzjoni tal-provi u li fi spazju daqstant qasir sar serq lampanti minn tliet lokalitajiet.

Fattur ieħor qal l-Ispettur kien li meta Frendo ġie arrestat, qal li m’għandux residenza fissa u meta kien mitlub biex jieħu lill-Pulizija fejn l-oġġetti misruqa, ħadhom fejn karozza abbandunata f’Ħaż-Żebbuġ li kien fiha l-oġġetti misruqa. Ingħad ukoll li l-post f’Ħaż-Żebbuġ li skont Frendo jgħix fih, mhuwiex abitabbli u għaldaqstant huwa m’għandux indirizz fiss. Il-Qorti qalet li dwar dawn il-fatti ma tistax tagħti l-ħelsien mill-arrest.