Internazzjonali

Stati Uniti: Minn Florida għall-ISS…Missjoni ambizzjuża oħra fl-ispazju

Erba astronawti, fl-aħħar sigħat, bdew vjaġġ ieħor minn Florida lejn l-International Space Station (ISS) u meta mistennija jaslu għada s-Sibt għal missjoni li għandha ddum għal sitt xhur.

Il-missjoni hi l-ewwel ta’ dan it-tip li telqet mill-Istati Uniti – f’dan il-każ il-Kennedy Space Center tan-NASA — din is-sena. Intant, mistenni li l-Amerikani Shane Kimbrough u Megan McArthur; il-Franċiż Thomas Pesquet u l-Ġappuniż Akihiko Hoshide jidħlu fl-orbita ‘minn ħin għall-ieħor’ b’kapsula ‘Dragon’ li kienet qed titwassal għal hemm b’rokit tat-tip Falcon 9.

Il-wasla eventwali tal-erba’ astronawti għandha żżid il-preżenza tal-astronawti fuq l-ISS għal ħdax – għalkemm dan in-numru mistenni jinbidel fil-jiem li ġejjin. Dan għaliex l-erba’ astronawti msemmija għandhom jieħdu post l-erba’ astronawti li kienu jiffurmaw l-ekwipaġġ preċedenti tad-‘Dragon’ u li suppost se jirritornaw fid-dinja l-ġimgħa d-dieħla.

Din il-missjoni hi sinonima mal-era tat-titjiriet spazjali fuq bażi kummerċjali. Dan meta t-trasport tal-astronawti lejn l-ISS u lura huwa servizz li n-NASA (l-aġenzija spazjali Amerikana) qed  tixtri mingħand il-kumpanija SpaceX tal-imprenditur biljunarju Elon Musk.

Il-kumpanija ta’ Musk – ibbażata f’Kalifornja —  qed tmexxi t-tlugħ tar-rokits mill-Kennedy Space Center  waqt li tieħu ħsieb it-titjiriet lejn l-orbita tad-dinja permezz ta’ controllers bażati fi Florida u fil-kwartieri-ġenerali tas-SpaceX, f’Hawthorne.