Coronavirus Lokali Saħħa

Vittma oħra u rreġistrati 33 kaz ġdid ta’ COVID-19

83 persuna jinsabu rikoverati fl-Isptarijiet madwar Malta

Fl-aħħar jiem, 67% tal-każi kienu mill-varjant tal-Ingilterra filwaqt li f’pajjiżna hawn 4 każi tal-varjant tal-Afrika t’Isfel u tliet każi tal-varjant Brażiljan. Dan kollu ħareġ mill-Bulettin Mediku tal-Professur Charmaine Gauci, fejn intqal illi l-maġġoranza tal-każi għadhom qed joħorġu mill-households u minn fuq il-post tax-xogħol filwaqt li għad hawn każijiet li qed ikunu impurtati minn barra l-pajjiż.

Fl-iskejjel, f’temp ta’ ftit jiem mill-ftuħ taghhom, kienu rreġistrati 35 każ bi 28 minnhom jkunu studenti. Ħarġu wkoll 4 każi minn child-care centres.

Minn persuni ta’ età bejn 50 u 59 sena eliġibbli biex jieħdu l-vaċċin, s’issa applikaw 58%. Statistika li turi li aktar minn 40% għal xi raġun m’applikawx biex jieħdu t-tilqima. Għad hemm ukoll persuni ta’ l’fuq minn 60 sena li għadhom ma ħadux il-vaċċin.

Il-Professur Gauci qalet illi fl-aħħar 24 siegħa l-imwiet f’pajjiżna telgħu għal 412, meta tilfet ħajjitha anzjana ta’ 93 sena. L-awtoritajiet ma ħabbrux jekk dan ġarax fi sptar jew f’residenza privata. Kienu wkoll reġistrati 33 każ ġdid filwaqt li fiequ 38 persuna, biex il-każi attivi niżlu marġinalment għal 513. Dawn id-dettalji ħarġu minn madwar 1,800 swab test li saru. Tul il-Bulettin Mediku, is-Suprintendent tas-Saħħa wieġbet domandi, fost l-oħrajn, dwar il-vaċċin tal-AstraZeneca.

Mistoqsija dwar l-użu tal-maskri, il-Professur Gauci indikat li dawn ser jibqgħu jintlibsu għaż-żmien li ġej, anke wara li l-maġġoranza tal-pajjiż ikun ħa l-vaċċin. Dan filwaqt li tkellmet ukoll dwar il-kwarantina għal min ikun ħa l-vaċċin. Intant, filwaqt li issa jistgħu japplikaw biex jieħdu l-vaċċin persuni ta’ l’fuq min 40 sena, Charmaine Gauci appellat biex kullħadd jitlaqqam għall-kontra l-virus. Dan filwaqt li insistiet fuq l-importanza li tibqa’ tinzamm il-kawtela.