Futbol Sport

Żball ta’ Leno jagħti tliet punti lil Everton fl-Emirates

(Ritratt: EPA)

Żball tal-goalkeeper ta’ Arsenal Bernd Leno 14-il minuta mit-tmiem kien biżejjed biex Everton ksibu tliet punti importanti f’rebħa ta’ 1-0 fl-Emirates Stadium. B’din ir-rebħa, Everton ġew tliet punti biss bogħod mir-raba’ post tal-klassifika hekk kif telgħu bi 52 punt.

Wara li fid-39 minuta l-freekick ta’ Glyfi Sigurdsson stampa mal-mimduda, fit-tieni taqsima Arsenal ingħataw penalty wara li Richarlison waqqa’ lil Dani Ceballos fil-kaxxa, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR ir-referee għażel li jħassar il-penalty wara li fl-azzjoni preċidenti, Nicolas Pepe kien f’pożizzjoni ta’ offside. Everton skorjaw il-gowl li ddeċieda l-partita fis-76 minuta meta wara li qabeż b’mod tajjeb lil Granit Xhaka, Richarlison xeħet cross fil-baxx bil-ballun jispiċċa jgħaddi minn taħt saqajn il-goalkeeper ta’ Arsenal u jidħol fix-xibka. Bit-tim ta’ Mikel Arteta jonqos milli jwettaq reazzjoni, Everton kisbu tliet punti importanti fil-ġlieda tagħhom biex jiksbu post fil-UEFA Champions League.

PREMIER LEAGUE

Illum: Arsenal v Everton 0-1 Għada: Liverpool v Newcastle 1.30pm, West Ham v Chelsea 6.30pm, Sheff Utd v Brighton 9.00pm Il-Ħadd: Wolves v Burnley 1.00pm, Leeds v Man Utd 3.00pm, Aston Villa v WBA 8.00pm It-Tnejn: Leicester v C. Palace 9.00pm