Qabel ma tela’ fil-Gvern, il-Partit Laburista kien diġa prepara lill-kumpanija Henley & Partners għat-tnedija tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. Dan sar xhur qabel ma ħarġet sejħa pubblika għall-iskema fl-2013. Rapporti fil-gazzetti jindikaw suspetti serji li li l-Labour fassal kollox meta kien fl-oppożizzjoni. Dan meta fassal kollox mingħajr ma wera l-intenzjonijiet tiegħu fil-Programm Elettorali tal-2013. Filfatt, ftit ġimgħat wara li l-Labour ħa l-poter f’Marzu tal-2013, Henley & Partners qabbdu lill-avukat Adrian Camilleri biex jeżamina l-iskema. Dan minkejja li s-sejħa tal-Gvern kienet għadha ma ħarġitx.
Kumpanija rivali bl-isem ta’ Arton Capital kienu fetħu każ legali kontra l-Gvern Laburista b’allegazzjoni serja ta’ proċess “abbużiv” li wassal biex Henley tirbaħ it-tender fejn qalu li Henley & Partners ingħataw vantaġġ inġust. Il-każ kien ġie solvut barra mill-qorti fl-2015.
Sa mill-2011, grupp bl-isem ta’ SCL, il-grupp wara l-kumpanija Cambridge Analytica, li tiġġenera informazzjoni biex tinbiegħ, kien offra li jiffaċilità laqgħa bejn Joseph Muscat u l-president ta’ Henley & Partners Christian Kalin. Analytica kienu ddeskrivew lil Joseph Muscat bħala “żagħżugħ, sofistikat ħafna għall-investiment internazzjonali u determinat.” Kemm Joseph Muscat kif ukoll Keith Schembri ammettew li ltaqgħu ma’ Henley & Partners qabel l-elezzjoni tal-2013.
Intant, data li kienet żvelata fl-aħħar sigħat turi li wħud mis-sinjuri li xtraw il-passaport, għażlu li r-residenza tagħhom f’pajjiżna tkun waħda ferm ‘il bogħod mil-lussu li jaffordjaw. Filfatt, aktar minn 300 applikant ħallsu l-inqas possibbli meta għażlu l-propjetà.
Bħala parti mill-iskema, l-applikanti kellhom jew jixtru proprjetà li tiswa mill-inqas €350,000 jew jikru proprjetà għal ħames snin ta’ € 16,000 fis-sena – ekwivalenti għal €1,333.33 fix-xahar. Mid-data, ħareġ li l-applikanti li fil-fatt xtraw proprjetà kienu ftit – u l-maġġoranza l-kbira għażlu li jikru bl-inqas ammont possibbli. Fl-aħħar sigħat ħarġu ritratti tal-propjetajiet li nkrew minn dawn il-miljunarji.
Id-data turi li kienu madwar 600 is-sinjuri li applikaw għaċ-ċittadinanza Maltija… aktar minn nofshom krew propjetà bl-inqas ammont pagabli possibli u ħafna minnhom ma resqux lejn Malta. F’każi minnhom saħansittra nkriet propjetà żgħira li fiha jistgħu jgħixu massimu ta’ żewġ persuni, għal aktar minn 10 persuni li kollha ingħataw il-passaport Malti. Dan filwaqt li oħrajn krew propjetajiet li l-anqas biss kienu għadhom inbnew. Henley & Partners kienu jsibu dawn il-propjetajiet għall-miljunari li xtaqtu jsiru Maltin.
Dawn il-manuvri mhux biss bdew taħt Gvern Laburista fl-2013 iżda għadhom għaddejin sal-lum meta fl-aħħar jiem aġent tal-propjetà rriklama propjetà għall-bejgħ li bħalissa qed tinkera minn persuna li xtrat il-passaport Malti.
Fl-aħħar snin, stħarriġ wera li minħabba l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, il-propjetà f’pajjiżna għoliet fil-prezz u għamlitha diffiċli ferm għal familji ġodda biex jixtru l-ewwel propjetà tagħhom bi prezz ġust, saħansittra għamlitha diffiċli ferm biex persuni Maltin u Għawdxin jikru propjetà biex jgħixu fiha.
//= $special ?>