Hemm ħafna aktar x’joħroġ rigward l-hold up tal-bank HSBC lura fl-2010 li allegatament kienu involuti fih eks Ministru u Ministru preżenti fil-Kabinett ta’ Robert Abela.
Sostna dan l-eks Kandidat tal-Partit Laburista u Avukat ta’ Vince Muscat il-Koħħu, Marc Sant, waqt intervista li saritlu din il-ġimgħa mis-sit LovinMalta …fejn insista li f’pajjiż normali, wara dawn l-allegazzjonijiet, il-Gvern kieku diġà sejjaħ elezzjoni ġenerali. B’Marc Sant jinsisti li l-Kabinett ta’ Abela kellu interess qawwi fid-deċiżjoni li l-Koħħu ma jingħatax il-proklama.
L-eks Kunsillier Laburista, insista li minflok il-Kabinett ta’ Abela aġixxa b’mod responsabbli lkoll kemm huma aċċettaw id-dell li inxteħet fuq kull wieħed u waħda minnhom.
Marc Sant sahaq li Vince Muscat beda jitkellem mal-Pulizija f’April tal-2018 – 3 xhur wara li kien arrestat – u filwaqt li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kif ukoll fl-assassinju tal-Avukat Carmel Chircop, huwa jemmen li l-klijent tiegħu issa m’għandu l-ebda raġuni għalxiex jigdeb.
Madanakollu meta mistoqsi min huwa l-Ministru attwali li qiegħed jallega dwaru l-Koħħu, Sant irrifjuta li jsemmih b’ismu u żied biss li ċertament mhux il-Ministru Josè Herrera – fatt li diġà ssemma fil-Qorti wara li oħtu, l-Maġistrat Consuelo Scerri Ħerrera, irrekużat ruħha mill-każ tal-hold up fuq il-bank.
Wara li l-Kabinett ta’ Abela rrifjuta li jagħti l-parir lill-President ta’ Malta George Vella mili jagħti l-proklama lill-Koħħu, Marc Sant ma eskludiex li jaħdem sabiex jintlaħaq arranġament rigward il-każ tal-hold up – patteġjament simili għal dak li sar fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn wara li ammetta, Muscat kien ikkundannat għal 15-il sena priġunerija.
Intant l-eks Kandidat Laburista stqarr li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna għandhom bżonn ikunu aktar trasparenti partikolarmanent il-ħidma tal-Korp tal-Pulizija għandha tkun aktar pro-attiva ankè fejn għandha x’taqsam interrogazzjoni ta’ persuni suspettati li jissemmgħu minn persuni ta’ interess.
//= $special ?>